Messaġġ Għal Dawk Kollha Li Jħobbu L-Festi

 Messaġġ Għal Dawk Kollha Li Jħobbu L-Festi

In-nutara Mariella Mizzi Attard wasslet messaġġ lil dawk kollha li bħalha jħobbu l-festa.

Hija qalet li fi żmien il-pandemija, ir-rebbiegħa qed iġġib swied il-qalb hekk kif is-soltu dan il-perjodu jġib miegħu l-eqqel tal-preparamenti għall-festa. Hija qalet li meta xi kultant tisma’ xi murtal jiġi sparat, mhux talli ma tħossix sodisfatta, iżda minflok tiftakar f’dak li qed titlef diment li l-festi mhux qed isiru.

“Il-festa tradizzjonali Maltija hija bżonn fir-rota li ddawwar lil pajjiżna, mhux biss reliġjożament, kulturalment u soċjalment, imma anke ekonomikament”, kitbet Mizzi Attard.

Hija saħqet li mingħajr attivitajiet ħafna każini u paroċċi waqgħu lura u għalhekk appellat lid-delittanti tal-festa sabiex jibqgħu jagħtu l-kontribut permezz tad-donazzjonijiet tagħhom sabiex l-organizzaturi tal-festi jkunu jistgħu jirpiljaw.

“Kuraġġ lil sħabi li bilfors bħalissa huma demoralizzati. Ma nabbandunawx il-vapur, għax hekk jegħreq. Irridu nibqgħu inħabirku biex jerġa’ jkollna l-ġmiel ta’ festi li kellna”, ikkonkludiet Mariella Mizzi Attard.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com