MFA – Proċess Ta’ ‘Due Diligence’ Aktar Rigoruż Fuq Min Imexxi L-Klabbs Mill-Istaġun Li Ġej
Il-Governanza fl-amministrazzjoni tal-klabbs kienet waħda mit-temi mqajma f’laqgħa tal-eżekuttiv tal-MFA aktar kmieni llum.
Fil-laqgħa ġie propost fost l-oħrajn process ta’ due diligence aktar rigoruż mal-uffiċjali tal-klabbs fil-Premier u ċ-Challenge League, għotjiet u sponsorships dikjarati u aktar trasparenza fejn tidhol il-gestjoni finanzjarja tal-klabbs.
Fil-briefing mal-ġurnalisti fi tmiem il-laqgħa l-Ħamis wara nofsinhar, il-President tal-MaltaFA Bjorn Vassallo semma kif it-tisħiħ tal-amministrazzjoni tal-klabbs huwa parti mir-riforma estiża fejn tidħol governanza fl-istrateġija tal-Assoċjazzjoni li tinkludi r-ristrutturar korporattiv tal-klabbs, li għandu jwassal għal tibdil fil-qafas, biex dawn ikunu jistgħu joperaw b’mod aktar professjonali u lest għal kwalunkwe skrutinju fejn tidħol kontabilita.
F’dan il-proċess l-Assocjazzjoni se tkun qed tfittex li tikkopera mal-awtoritajiet rispettivi.
Il-President Vassallo anke għamel referenza għall-istaġun il-ġdid fejn ġiet diskussa l-komposizzjoni tal-Kampjonati, liema proposti ta’ tnax-il tim fil-Premier, tnejn u għoxrin fiċ-Challenge League u dsatax fin-National Amateur League bħala punt tat-tluq mill-istaġun li ġej, iridu jiġu approvati mill-Kunsill, u eventwalment issiġillati mil-Laqgħa Ġenerali Annwali.
Il-format tal-kampjonati b’din il-kompożizzjoni kien diskuss mill-klabbs fid-diviżjonijiet rispettivi li wasslu l-ħsibijiet tagħhom lill-Kumitat Eżekuttiv.
Intant illum tħabbar li d-distribuzzjoni finanzjarja tal-kompetizzjoniniet Ewropej għall-klabbs bil-parteċipazzjoni għall-ewwel darba fil-UEFA Conference League se jkunu fuq l-istess livelli ta’ dak li kien jigi distribwit fl-Europa League.