“M’għadnix Nagħrafhom…” – Poeżija Emozzjonali Minn Joe Debono Li Għandu L-ALS

 “M’għadnix Nagħrafhom…” – Poeżija Emozzjonali Minn Joe Debono Li Għandu L-ALS

Joe Debono li qed ibati mill-marda tal-ALS illum kiteb poeżija emozzjonali ħafna li biha jispjega dak li għaddej minnu u kif saħħtu marret lura.

Joe Debono huwa personalità li għal diversi snin rajnieh inissel tbissima permezz tas-satira u ħadem f’diversi programmi fuq it-televiżjoni fost affarijiet oħra.

Aqra l-poeżija hawnhekk:

M’għadnix nagħrafhom
M’għadnix nagħrafhom dawn dirgħajja….
Li tant għannqu ħbieb tul is-snin
U taptpu kuraġġ fuq l-ispallejn
Li kaħħlu, u żebgħu u sammru f’injam
U sewwew fejn kien hemm għalfejn.
L-idejn li lagħbu tennis, subbuteo u darts
U għoddew tant flus u għamlu kontijiet
Li kitbu il-lottu bil-karta saħħara
U harbxu tant stejjer u ħsiebijiet
… Illum mejtin
M’għadnix narafhom dawn riġlejja….
Li ġrew wara l-ballun bil-ħeġġa,
U telgħu u niżlu slielem tul is-snin
Li qadfu b’saħħa biex gawdejt il-baħar
Li żifnu mal-kollegi f’xi festin
Li mxew fil-Vatikan u ħdejn l-Akropoli,
Li żżerżqu fuq silġ iebes tal-Islanda
U telgħu fuq l-Etna u l-Vesuvju
U daru mal-imtieħen tal-Olanda
…. Illum bla saħħa.
M’għadnix nagħrfu dan leħni…
Li tant tkellem ma nies bil-kelma t-tajba
U spjega tant prinċipji, ħfief u tqal,
Li qara, rrexta u drabi ukoll kanta
U daħħaq ħafna nies, il-kbar u t-tfal.
Li irrakkonta fatti mill-Istorja,
Imħallta ma xi leġġenda Maltija
B’ilsna barranin biex min iżurna,
igawdi ta’ pajjiżna is-sbuħija
…. Illum imkarkar.
Qed nagħraf biss dan moħħi…
Li għadu joħloq u jtini l-idejat,
Li kif jitwieldu ituni l-enerġija.
U li b’għajnejja jħaddem il-kompjuter
biex bih nesprimi li għaddej ġo fija.
Dal-moħħ li jġedded il-memorji
U jġib tifkiriet sbieħ quddiem għajnejja,
li jgħini nifhem din il-kundizzjoni,
U li ħajti inbidlet iżda għada għaddejja
…. U jwennisni.
Joseph Debono
21.04.21

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com