Miċħuda T-Talba Għall-Ħelsien Mill-Arrest Wara Li Kien Akkużat Bi Frodi
Raġel li allegatament qarraq b’sewwieqa u talabhom il-flus wara li ġab l-iskuża li waqfitlu l-vettura nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ frodi.
Russel Bugeja, li għandu 47 sena minn Ħ’Attard, tressaq il-Qorti bħala wieħed minn żewġ persuni suspettati frodisti li allegatament kienu qed iwaqfu lis-sewwieqa ħdejn roundabout taparsi l-vettura tagħhom ġratilha xi ħsara, u jisparixxu ġaladarba xi ħadd itihom il-flus.
L-Ispettur Godwin Scerri qal li l-allegat akkużat u l-kompliċi tiegħu, li hija mara, ġew identifikati mill-kameras tas-sigurtà.
Bugeja wieġeb mhu ħati, bl-avukat tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li l-akkużat kellu problema tad-droga u ried jagħmel il-proċess ta’ riabilitazzjoni.
Madanakollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif għad hemm numru ta’ nies li riedu jagħtu x-xhieda tagħhom, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin fuq il-kompliċi tiegħu, li bħalissa qed tingħata l-kura medika.
Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li hemm ir-riskju li tkun imbgħabsa l-evidenza, iżda rrakomandat lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jagħtu l-kura meħtieġa lill-akkużat.