Min Huma L-Persuni Li Qed Jistennew Sabiex Jingħataw Post Tal-Gvern?
Waqt il-programm televiżiv Popolin, il-Kap Eżekuttiv tal-Awotrità tad-Djar Leonid McKay tkellem dwar il-profil ta’ persuni li bħalissa jinsabu fuq il-waiting list sabiex jingħataw akkomodazzjoni soċjali.
Huwa qal li tlett snin ilu beda eżerċizzju ta’ profiling bil-għan li l-Awtorità jkollha stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni soċjali tal-applikanti għal propjetà tal-housing soċjali.
L-istatistika li rriżultat minn dan l-eżerċizzju turi li 75% ta’ dawk fuq il-waiting list huma nisa, filwaqt li 25% huma rġiel. Intant, 63.5% ta’ dawn il-persuni huma ġenituri single.
41.6% ta’ dawk li jinsabu fuq il-waiting list qalu li ma jikkunsidrawx li jixtru propjetà tagħhom, lanqas bl-għajnuna tal-gvern, u b’hekk bi ħsiebhom jibqgħu jistennew li jingħataw akkomodazzjoni soċjali. 58.4% qalu li jkunu lesti li jixtru propjetà tagħhom, ġaladarba l-gvern jgħinhom jagħmlu dan il-pass.
Il-maġġoranza ta’ dawn fuq il-waiting list jinsabu bla impjieg (39%), għalkemm 29% oħra ta’ dawk fuq il-waiting list jaħdmu xogħol full-time. 10% jaħdmu fuq bażi part-time, 12% huma nies tad-dar u 14% huma pensjonanti.
Aktar minn nofs dawk li jinsabu fuq il-waiting list huma single, filwaqt li 16% biss huma miżżewġin u 27% huma separati jew inkella divorzjati.