Ninkoraġixxu Mezzi Alternattivi Ta’ Trasport – Stefan Zrinzo Azzopardi

 Ninkoraġixxu Mezzi Alternattivi Ta’ Trasport – Stefan Zrinzo Azzopardi

Is-Segretarju Parlamentari Għall-Fondi Ewropej Dr Stefan Zrinzo Azzopardi waqt l-inawgurazzjoni tal-bridge tal-MCAST

Meta nagħtu ħarsa lejn il-proġetti infrastrutturali f’pajjżna li qed isiru b’investiment ta’ fondi Ewropej, nistgħu ninnotaw li l-għan tagħhom huwa li nkomplu nassiguraw aktar sigurtà  u aċċessibilità fit-toroq għal dawk kollha li jużaw mezzi alternattivi tat-trasport fosthom rota, trasport pubbliku, jew ikunu bil-mixi.

L-infrastruttura mhijiex biss toroq, iżda tieħu diversi forom li jagħtu prijorità għall-bżonnijiet tan-nies. Fost il-proġetti inawgurati f’din l-aħħar sena, kien hemm il-bridges tal-MCAST u tal-Blata l-Bajda li jifformaw parti minn proġett ferm akbar li għandu allokat għalih €37 miljun ko-finanzjati b’fondi Ewropej li jinkludi fih xogħlijiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dawn il-bridges qed jassiguraw aktar sigurtà għal dawk kollha li jridu jaqsmu min-naħa għall-oħra ta’ lokalitajiet diversi. Dan filwaqt li qed ninkoraġġixxu l-bidla għal-mezzi alternattivi ta’ trasport sostenibbli, fosthom dak tat-trasport pubbliku hekk kif se jkun qed jgħaqqad flimkien iż-żewġ bus stops min-naħa għal oħra. Dan ġie ffaċilitat hekk kif issa ma għandhomx għalfejn jistennew mat-traffic lights, iżda jistgħu jaqsmu mingħajr ebda inkonvenjenza.

Huwa d-dmir tagħna li nħeġġu aktar nies jużaw mezzi alternattivi tat-trasport, bħar-rota, trasport pubbliku u l-mixi sabiex b’hekk innaqqsu t-traffiku fit-toroq u b’hekk inkunu qed innaqqsu t-tniġġis fl-arja. Apparti minn hekk  issa l-vetturi jistgħu jibqgħu għaddejjin u b’hekk inkomplu nnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku.

Meta qed ninvestu fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, qed noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Nistgħu naraw li l-proġett tal-Marsa Junction li sar b’investiment ta’ €70 miljun, li minnhom €52 miljun huma minn fondi Ewropej, qed jinkoraġġixxi n-nies jużaw mezzi alternattivi tat-trasport. Dan qed ikun possibli grazzi għal passaġġi pedonali u ‘cycle lanes’ li saru bl-għan li jintużaw min-nies bil-mixi kif ukoll dawk bir-roti. Mod ieħor ta’ kif qed ninkoraġixxu n-nies jużaw it-trasport pubbliku huwa permezz ta’ ‘Park and Ride’ li sar sabiex in-nies ikunu jistgħu jipparkjaw il-karozzi tagħhom u jagħmlu użu mit-trasport pubbliku grazzi għal ‘Bus Stops’ ġodda li saru.

Dawn il-fondi se jkomplu jgħinuna naħdmu lejn aktar żvilupp sostenibbli li jħares l-ambjent ta’ pajjiżna għaż-żmien li ġej kif ukoll ittejjeb l-kwalità ta’ ħajja għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Ritratt: Parti mill-Proġett tal-Flyovers fil-Marsa. L-akbar proġett infrastrutturali f’pajjiżna.

 

 

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com