“Piż Fiżiku, Psikoloġiku, Kif Ukoll Emozzjonali” – Tfajla Li Tbati Mill-IBS
Kuxjenza u għarfien dwar il-kundizzjoni ta’ l-IBS (Artiklu miktub minn Charlene Cremona):
Qegħdin fix-xahar sabiħ t’April. Dan ix-xahar hu ddedikat lil kundizzjoni ta’ Irritable Bowel Syndrome (IBS), u d-dsatax t’April, hija l-ġurnata dinjija ddedikata lejn din l-istess kundizzjoni.
Din hija kundizzjoni inviżżibli li tolqot is-sistema diġestiva. Il-pazjent jibda jesperjenza uġigħ, imma x’ħin jibda b’ċertu testijiet relatati ma’ dak li jħoss, ma jirriżulta xejn. Anzi, r-riżultati juru li l-istess pazjent huwa b’saħħtu. Is-sintomi huma diversi, u kull individwu jiġi affetwat b’mod differenti: uġigħ fl-istonku li jiżviluppa f’aċtu, fjamazzjoni, u saħansitra anke dardir li jaf iwassal biex tivvomita. Hemm sintomi li huma relatati ma’ naħa t’isfel ta’ sistema diġestiva, bħal gass, konstipazzjoni u viżti frekwenti sal-kamra tal-banju. Stress, ansjetà, u intolleranzi fl-ikel jiġu relatati ma’ din il-kundizzjoni ukoll.
Mhux l-ewwel darba li qsamt l-esperjenza tiegħi pubblikament, rigward din il-kundizzjoni. Sentejn ilu ġejt iddikjarata li jiena qegħda insofri mill-IBS. Madwar ħames snin ilu bdejt inħoss ċertu uġigħ u sintomi fl-istonku. Bħal meta kull bniedem jħoss xi ħaġa li qed tippersisti, rreferejt għand it-tabib tiegħi. Wara li ħadt il-mediċina li kelli preskritta, u l-ebda kambjament ma beda jirriżulta, irreferejt għal opinjoni ta’ konsulent. Nistgħa ngħid li minn hemm bdiet maratona b’sensiela ta’ testijiet mediċi, u konsultazzjonijiet minn diversi tobba u konsulenti, fl-istess ħin. F’din il-kundizzjoni l-uġigħ jkun qisu roller coaster: jkun hemm drabi fejn jkun persistenti żżejjed, xi drabi jkun mhux ħażin, biżżejjed biex jippermetti li tkompli bir-rutina tal-ħajja, u drabi oħra fejn qisu qatt ma kien xejn. Personalment ukoll bdejt nesperjenza nuqqas t’aptit lejn l-ikel.
X’wassalni biex infittex daqshekk opinjonijiet ta’ tobba u konsulenti? Għal bidu ma tibdiex tifhem x’inhu jiġri, u kif tara li tkun mort għand persuna u wara ftit żmien, terġa l-istess jew tħossok agħar, tkun trid tipprova ssib tama ġdida. Qatt ma stajt insib tarf ta’ dan kollu. Waqt il-proċess li kont għaddejja bit-testijiet, nammetti fejn ħafna drabi ħassejtni deluża, kollox jindika li jien persuna b’saħħti, meta fil-verità kont qed inħossni pjuttost l-oppost.
Bħal ma għidtilkom fl-introduzzjoni, l-ikel, l-istress, u ħafna fatturi oħra madwarna jilgħabu logħba importanti f’ħajjitna. Nammetti li jiena bniedma anzjuża; ninkwieta anke fuq l-iċken ħaġa. Din il-kundizzjoni, bdejt inħossha ta’ piż fiżiku, psikoloġiku, kif ukoll emozzjonali. Bdejt insir iżjed sensittiva u nervuża; minħabba l-uġigħ konstanti, filwaqt li naf medikament mhux joħorġu anomaliji, nara bniedma b’ġisem li jidher b’saħħtu fuq barra, imma fuq ġewwa maħkum minn maltemp qalil. U għalhekk bdejt nipprova naqbad ma’ kull tibna sabiex soluzzjoni fl-aħħar nsib.
Kien f’mument bħal dan, meta wara xi testijiet oħrajn, qaluli li reġa’ rriżulta kollox tajjeb. Ħadtha bi kbira ħafna. Kif jista jkun, mhux inħossni sew, muġugħa u r-riżultati jidhru tajbin?? Niftakar mort lura d-dar deluża, lanqas naf x’ser naqbad nagħmel, jew ħjiel ta’ kif nista nkompli ħajja normali kif xi darba snin ilu kont ngħix. Bħal dejjem f’dak il-ħin mudlam sibt il-wens fis-sieħeb tiegħi, u minn hemm bdejna naraw x’nistgħu noħorġu ta’ ġid minn din is-sitwazzjoni. Għal anqas fost dan l-uġigħ u dwejjaq, ridt li nipprova nkun ta’ kuraġġ għal ħaddieħor, u nibda naħdem sabiex inxerred iżjed għarfien fuq din il-kundizzjoni. Infatti, xi jiem wara dan kollu twieldet il-paġna fuq facebook bl-isem IBS Malta, u ftit żmien wara inħoloq il-grupp għal nies li jsofru minn din il-kundizzjoni bl-isem ta’ IBS Malta Support Group.
Li persuna titkellem fuq kundizzjoni bħal ma hija IBS, mhux xi ħaġa faċli. Persuni li jbatu b’din il-kundizzjoni jafu jħossuha bħala taboo. L-iskumditajiet li wieħed jħoss fis-sistema diġestiva, m’humiex xi ħaġa li se tħalli dak li jkun komdu man-nies ta’ madwaru.
Nixtieq li f’pajjiżna l-IBS tiġi trattata u rikonoxxuta bħal kundizzjonijiet u mard ieħor. Nixtieq ukoll li fuq il-postijiet ta’ xogħol, nies b’din il-kundizzjoni, jiġu aktar mifhuma, u jingħataw is-sapport meħtieġ. Fil-ħajja inġenerali, diġà għandna ħafna stress u ansjetà biex inlaħħqu ma’ rutina mgħaġġla b’ħafna impenji, u kundizzjoni bħal ma hija IBS tkompli tikkumplika l-ħajja tal-individwu. Inħeġġeġ li min jħoss li għandu bżonn jfittex l-għajnuna professjonali, ma jiddejjaqx jagħmel dan.
Minn qalbi nixtieq nirringrazzja li nies li mxew miegħi tul dan il-vjaġġ s’issa. Lil kull persuna li dort fuqha għal għajnuna, u kienu lesti biex jagħtu s-sehem u l-ħin tagħhom fil-pjanijiet li sa mis-sena l-oħra kienu l-mira biex tinħoloq kuxjenza, imma sfortunatament minħabba l-pandemija tal-Covid19, kellu kollox jiġi pospost; lil persuni li għaddejjin mill-istess kundizzjoni; lil imgħallmin u l-kollegi kollha li jissampatizzaw miegħi u jifhmuni, speċjalment mill-bidu ta’ din is-sena fejn il-kundizzjoni qed turi snienha sew; lil ħbieb kollha b’mod speċjali dawk tal-qalb; lil psikologa tiegħi li tgħini nżomm soda u niffaċja l-kundizzjoni b’aktar kuraġġ; lil familjari kollha tiegħi, b’mod speċjali l-ġenituri li jieħdu paċenzja enormi bija fl-agħar ġranet tiegħi; u fuq kollox il-persuna li kieku mhux bis-saħħa u għas-sapport enormi tiegħu ma għamiltx nofs pass milli għamilt s’issa – qed nirreferi għas-sieħeb tiegħi.
L-aħħar messaġġ li xtaqt nwassal hu b’mod wiesgħa:
Din il-kundizzjoni għallmitni kif infittex dak li hu pożittiv, napprezza l-affarijiet sempliċi tal-ħajja. Iva, fl-agħar ġranet tiegħi jkun hemm mumenti fejn nerġa inħossni li qegħda mitlufa fid-dlam. Iżda, qatt taqtgħu qalbkom u ħarsu l-quddiem. F’kull ċirkostanza tal-ħajja sibu dak li hu pożittiv, u dak li jagħtikom tama.