“Prova Oħra Li Fil-PN Ma Nbidel Xejn” – Il-Partit Laburista

 “Prova Oħra Li Fil-PN Ma Nbidel Xejn” – Il-Partit Laburista

Fi stqarrija, il-Partit Laburista tenna li l-manuvri kontra Malta mill-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista u l-eks Kap tal-istess Partit, Simon Busuttil, huma prova oħra li fil-Partit Nazzjonalista baqa’ ma nbidel xejn.

Qal li meta ħadmu biex tinħoloq riżoluzzjoni kontra Malta l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista injoraw għal kollox l-iżviluppi li seħħew f’pajjiżna favur il-ġustizzja u injoraw għal kollox ukoll ir-riformi kbar favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

“Huwa ironiku kif riformi li għandhom iċ-ċertifikat ta’ istituzzjonijiet bħal Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni Venezja u anke l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġew injorati għal skop partiġjan.”

Il-PL qal li l-Maltin drawh sew il-logħob tal-Partit Nazzjonalista li jiftiehem ma’ ħaddieħor biex jidher fuq quddiem minflokom imbagħad jappoġjawh lura mentri l-ironija hi li mbagħad iħallsu lura billi jaqbżu għal pajjiżi oħra filwaqt li jkasbru lil pajjiżhom.

L-istqarrija temmet tgħid li l-Maltin jafu li reġgħu kienu l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista li ddefendew l-interessi tagħhom. “Il-Maltin jafu wkoll li din hi prova oħra li fil-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ma nbidel xejn. Dan għax it-tmexxija għadha maħkuma mill-istess ponn ta’ nies li trid tkisser lill-pajjiżna għall-gwadann politiku partiġjan”, temm jgħid il-Partit Laburista.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com