Referee Arġentin Fil-Lista Mħabbra Ta’ Uffiċjali Għal Euro 2020
Il-Kumitat tar-Referees tal-UEFA għadu kif elenka l-lista ta’ dsatax-il referee bl-assistenti tagħhom għall-Kampjonat Euro 2020 li issa jinsab biss ĦAMSIN JUM il-bogħod biex jibda.
Għall-ewwel darba f’dan il-Kampjonat Ewropew, tim wieħed ta’ uffiċjali minn barra l-kontinent Ewropew.
Ir-referee Arġentin Fernando Rapallini (ritratt) mal-assistenti tiegħu ġie magħżul biex jingħaqad mat-tmintax-il referee ieħor mill-Ewropa għal dan il-Kampjonat.
Dan qed isir bħala parti minn ftehim ta’ skambju bejn il-UEFA u l-governing body tal-futbol fl-Amerika t’Isfel, il-CONMEBOL, li se jwassal biex l-Ispanjol Jesús Gil Manzano u t-tim tiegħu t’uffiċjali se jkun qed imur jikkontrolla partiti mill-Copa América aktar tard din is-sena fl-Arġentina u l-Kolumbja.
“Dan l-iskambju se jwassal biex jissaħħu ż-żewġ kompetizzjonijiet apparti li tgħin lill-uffiċjali jikbru fl-esperjenza tagħhom”, tenna l-President tal-UEFA Aleksander Čeferin.
Kompla jgħid, “L-Ewropa u l-Amerika t’Isfel għandhom tant kwalitajiet u tradizzjoni fil-logħba tal-ballun, mhux inqas fil-livell tar-referees, dan l-iskambju huwa kruċjali fil-koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat, jgħin ukoll fit-titjib taż-żewġ kompetizzjonijiet”, temm jgħid lis-Sloven Čeferin.
Apparti t-tim Arġentin, b’referee wieħed u l-assistenti tiegħu, tmintax-il referee mill-Ewropa ġew magħżula u kkonfermati biex jikkontrollaw total ta’ 51 partita li ġejjin mill-11 ta’ Ġunju li ġej ‘l quddiem waqt UEFA EURO 2020.
Dawn huma :- Felix Brych (Ġermanja), Danny Makkelie (Olanda), Cüneyt Çakır (Turkija), Antonio Miguel Mateu Lahoz (Spanja), Carlos Del Cerro Grande (Spanja), Michael Oliver (Ingilterra), Andreas Ekberg (Żvezja), Daniele Orsato (Italja), Orel Grinfeeld (Iżrael), Artur Manuel Ribeiro Soares Dias (Portugall), Ovidiu Alin Hategan (Rumanija), Daniel Siebert (Ġermanja), Sergei Karasev (Russja), Anthony Taylor (Ingilterra), Istvan Kovacs (Rumanija), Clément Turpin (Franza), Bjorn Kuipers (Olanda), Slavko Vinčić (Slovenja).
Ukoll għall-ewwel darba uffiċjal mara fil-pool ta’ referees għal Kampjonat maġġuri tal-irġiel, il-Franċiża Stéphanie Frappart li diġa kkontrollat numru sinjifikanti ta’ logħbiet importanti fil-livell maskili bejn kompetizzjonijiet Ewropej u logħbiet Nazzjonali ta’ Kwalifikazzjoni, ġiet magħżula biex tkun parti mit-tim ta’ referees għal dan il-Kampjonat, mhux se tirreffja iżda mistennija tkun ir-raba uffiċjal, f’numru ta’ logħbiet.
Kull referee imsemmi hawn fuq, inkluż l-Arġentin ikollhom it-tim tagħhom li jinkludi ukoll żewġ assistenti, r-raba uffiċjal, assistant referee ta’ riserva u naturallment il-Video match officials responsabbli mill-famuża VAR.
It-taħriġ għar-referees magħżula u t-timijiet tagħhom għal UEFA EURO 2020 se jibda b’kors f’Istanbul it-Turkija, mil-10 sat-13 ta’ Mejju li ġej.
Istanbul stess se tkun il-bażi tagħhom mis-7 ta’ Ġunju sal-Kwarti tal-Finali, minn hemm huma jivjaġġġaw lejn Londra għall-fażi prinċipali tal-kompetizzjoni fejn se jsiru ż-żewġ semifinali u l-finali ta’ Euro 2020, liema kompetizzjoni kienet skedata għas-sena li għaddiet, iżda imxiet b’sena minħabba raġunijiet li jafhom kulħadd.