Tagħlaq il-Konsultazzjoni Pubblika għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Awtiżmu

 Tagħlaq il-Konsultazzjoni Pubblika għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Awtiżmu

Din il-ġimgħa għalqet il-Konsultazzjoni Pubblika għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Awtiżmu. Ir-rispons għal din l-istrateġija kien wieħed b’saħħtu. Fil-fatt, fi żmien tliet ġimgħat kien hemm rispons minn 185 persuna li ġejjin minn faxex differenti tas-soċjetà, inkluż NGOs, għaqdiet governattivi, ġenituri u persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu, bil-maġġoranza tagħhom ressqu kritika kostruttiva.

Is-sottomissjonijiet inkludew punti importanti, fosthom dwar:

  • Il-kwistjoni tat-terapiji meħtieġa u l-ħtieġa għal aktar inizjattivi li jappoġġjaw lill-ġenituri.
  • Ikun hemm iżjed iffukar fuq il-parteċipazzjoni ta’ persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu fl-isport u f’attivitajiet għal waqt il-ħin liberu.
  • Aċċessibilità għall-edukazzjoni kif ukoll inklużjoni sħiħa tat-tfal.
  • L-iżvilupp ta’ indikaturi analitiċi meta tiġi implimentata l-istrateġija.
  • Li l-proċess jiġi rivedut b’mod indipendenti mill-esperti.

F’laqgħa li għamlet mal-Kunsill Konsultattiv għall-Awtiżmu, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli fissret kif il-pass li jmiss hu li l-Ministeru jagħrbel is-sottomissjonijiet li saru biex ikun irfinut id-dokument finali għall-konsiderazzjoni tal-Kabinett. Il-Ministru qalet ukoll li din l-istrateġija għandha tibqa’ sservi bħala xprun sempliċi filwaqt li jiżdied aktar dettall fil-pjan ta’ implimentazzjoni. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet ukoll li l-għan ta’ din il-konsultazzjoni kien li tiġi rfinata l-istrateġija u għalhekk, filwaqt li l-Kunsill se jkollu r-responsabbiltà li jiżgura iżjed outreach fil-futur, in-numru ta’ punti li tqajmu fil-konsultazzjoni jeħtieġu iżjed konsiderazzjoni.

Ic-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv għall-Awtiżmu Dr Alistair De Gaetano qal li fix-xogħol tal-Kunsill huwa importanti li wieħed jiffoka fuq il-kunċett ta’ ‘empowerment’ kif imsemmi fl-Att għall-Awtiżmu u fl-istrateġija. Din jeħtieġ li ssir sabiex in-nies ikunu jistgħu jkunu wkoll parti mis-soluzzjoni waqt li jaħdmu flimkien mal-gvern u l-kunsill, li huma mgħammra biżżejjed u lesti li jaħdmu id f’id magħhom.

 

Ritratt: MISW

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com