Tħobb Tikkomunika X-Xjenza? Ipparteċipa Fil-kompetizzjoni Internazzjonali FameLab

 Tħobb Tikkomunika X-Xjenza? Ipparteċipa Fil-kompetizzjoni Internazzjonali FameLab

Taħseb li int kapaċi tispjega x-xogħol tiegħek fix-xjenza, it-teknoloġija, il-matematika jew l-inġinerija fi tliet minuti jew inqas? Jekk ir-risposta tiegħek hija iva, mela FameLab hija l-opportunità għalik!

FameLab hija kompetizzjoni internazzjonali miftuħa għal dawk kollha li jħobbu x-xjenza. Ir-regoli huma sempliċi; għandek biss tliet minuti biex tispjega kunċett jew riċerka xjentifika, mingħajr noti u bl-użu ta’ xi props żgħar. Jekk il-preżentazzjoni tiegħek tintgħoġob mill-ġurija, timxi għall-istadju li jmiss, fejn tipparteċipa f’Masterclass magħmula minn komunikatur tax-xjenza professjonali. L-għan ta’ dawn il-workshops huwa biex isaħħu l-ħiliet komunikattivi tal-parteċipanti, kif ukoll biex ikunu preparati kemm jista’ jkun għall-istadju li jmiss; il-Finali. Il-parteċipanti jippreżentaw quddiem ġurija live u jikkompetu sabiex jintgħażel rebbieħ nazzjonali. Dan l-istess proċess isir f’numru ta’ pajjiżi oħra madwar id-dinja, u għalhekk, ir-rebbieħa nazzjonali kollha jiltaqgħu flimkien biex jikkompetu u jintgħażel rebbieħ internazzjonali. B’hekk, FameLab hija opportunità perfetta biex taqsam ir-riċerka u x-xogħol tiegħek fil-qasam tax-xjenza, kif ukoll biex tiltaqa’ u tagħmel kuntatt ma’ nies oħra li għandhom din l-istess passjoni, mhux biss lokalment iżda wkoll f’pajjiżi oħrajn!

B’konsegwenza taċ-ċirkostanzi preżenti, din is-sena FameLab se jkun qed isir b’mod virtwali. Dan ifisser li kull stadju tal-kompetizzjoni se ssir online; kemm il-Masterclass, kemm il-finali nazzjonali, kif ukoll il-finali internazzjonali. Kull min hu interessat biex japplika għandu jserraħ moħħu li se tittieħed kull miżura biex nieħdu ħsieb is-saħħa ta’ dawk kollha involuti.

X’għandek tagħmel biex tieħu sehem? Applika online sat30 t’April 2021 u ibgħat video tiegħek tagħmel preżentazzjoni fi tliet minuti jew inqas. Dan trid tagħmlu sal-31 ta’ Mejju 2021. Inħeġġu lil kull min huwa nvolut fil-qasam tax-xjenza jew STEM biex jipparteċipa għax FameLab hija opportunità mill-aqwa biex taqsam ir-riċerka tiegħek ma’ ħaddieħor u biex tidħol fix-xena tal-komunikazzjoni tax-xjenza. Biex tapplika u ssib iktar informazzjoni, żur is-sit ta’ Esplora fuq din il-ħolqa: http://esplora.org.mt/famelab/

FameLab huwa mtella’ minn Esplora u British Council.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com