Titħabbar It-Tieni Fażi Ta’ Rilaxxar Ta’ Restrizzjonijiet Fid-Djar Tal-Anzjani

 Titħabbar It-Tieni Fażi Ta’ Rilaxxar Ta’ Restrizzjonijiet Fid-Djar Tal-Anzjani

Wara konsultazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, l-Awtorità għall-Istandards għall-Ħarsien Soċjali se timxi lejn it-tieni fażi ta’ rilaxxar ta’ restrizzjonijiet waqt żjarat minn persuni lil qrabathom fid-djar kollha tal-anzjani u fir-Residenza San Vinċenz de Paul.

Ħmistax ilu tħabbret l-ewwel fażi ta’ żjarat mingħajr perspex. L-ewwel rilaxx ta’ restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani kien wieħed inkoraġġanti u għalhekk, minn nhar is-Sibt 1 ta’ Mejju 2021, se tkun introdotta t-tieni fażi.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar dan filwaqt li enfasizza li r-restrizzjonijiet se jitnaqqsu b’kawtela biex kull darba jkun evalwat l-impatt qabel jittieħed pass ieħor, it-tielet fażi.

Il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li mis-Sibt l-1 ta’ Mejju 2021:

  • 2 qraba mill-istess dar jistgħu jżuru resident fid-dar tal-anzjani. Iż-żjarat ta’ 25 minuta ’l waħda se jiżdiedu għal darbtejn fil-ġimgħa. B’hekk aktar qraba jkunu jistgħu jagħmlu appuntament.
  • Għall-okkażjoni ta’ Jum l-Omm ir-residenti jista’ jkollhom żjara miżjuda ta’ 15-il minuta wara li jsir appuntament, is-Sibt 8 ta’ Mejju jew il-Ħadd 9 ta’ Mejju.
  • Residenti li għandhom id-dimensja jista’ jkollhom żjara ta’ 15-il minuta kuljum. Kull darba jistgħu jżuruhom sa 2 persuni mill-istess dar.
  • L-ilbies tal-maskri, iż-żamma tad-distanza u miżuri oħrajn iridu jibqgħu jkunu osservati.
  • Dan se jkun jgħodd ukoll għar-Residenza San Vinċenz de Paul.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com