Titnieda Pubblikazzjoni Dwar Il-Konferenza Għall-Għaqda Nazzjonali
Il-President ta’ Malta George Vella nieda pubblikazzjoni dwar il-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali li seħħet nhar is-Sibt 27 ta’ Frar 2021.
Din il-pubblikazzjoni hija maħsuba biex tiġbor u twassal b’mod dettaljat u fattwali, il-punti kollha li ħarġu waqt id-diskussjoni. Dan jinkludi kemm id-diskorsi tal-kelliema fuq il-panel kif ukoll il-mistoqsijiet, il-kummenti u s-suġġerimenti li saru mill-membri tal-pubbliku preżenti u online. Fid-daħla ta’ din il-pubblikazzjoni, il-President Vella qal li l-interventi kienu serji u li matul id-diskussjoni ntweriet maturità kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll fil-mod kif dawk kollha preżenti kkomunikaw ma’ xulxin.
Żied li l-livell tad-dibattitu kien wieħed għoli għax il-parteċipanti kienu lesti li jisimgħu u jagħtu kontribut. Il-President faħħar din l-attitudni u spjega li dan għandu jkun il-mod li bih irridu nkomplu niddiskutu u nindirizzaw din it-tema.
Il-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali seħħet b’inizjattiva tal-President ta’ Malta. L-iskop ewlieni ta’ din il-konferenza kien li tiddiskuti t-tema tal-għaqda nazzjonali, tema li l-President ilu jitkellem dwarha sa mill-bidu tal-ħatra tiegħu fejn fiha ġew mistiedna kelliema ewlenin li huma lkoll esperti minn diversi oqsma differenti sabiex jaqsmu ħsibijiethom u l-esperjenzi tagħhom b’rabta ma’ dan is-suġġett.
Il-pubblikazzjoni għadha kemm ġiet ippubblikata f’verżjoni stampata u tinsab ukoll f’format diġitali fuq is-sit tal-President ta’ Malta https://president.gov.mt/mt/konferenza-ghall-ghaqda-nazzjonali/.