Tkompli L-Mewġa Ta’ Diżappunt Minn Għaqdiet Sportivi Wara L-Miżuri Tal-Erbgħa
Il-Malta Basketball Association esprimiet id-diżappunt bil-miżuri mħabbra l-Erbgħa, dan fid-dawl ta’ dak innutat fl-istqarrija konġunta ta’ ftit jiem ilu ma’ għaqdiet sportivi oħra u l-fatt li l-impatt li l-isport kellu fit-trasmissjoni tal-virus kien għal kollox negliġġibli.
L-MBA fakkret kif fl-aħħar xhur flimkien mal-klabbs reġistrati magħha għamlet sforzi kbar biex jiġi assigurat ambjent sigur fit-twettiq tal-protokolli kolha meħtieġa biex tiġi mrażżna kif filfatt ġara, l-imxija tal-virus waqt il-kompetizzjoni li kienet għaddejja f’dan l-isport.
Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport esprimiet id-diżappunt ukoll li bil-miżuri mħabbra, l-motorsport ma jistax jerġa’ jibda.
L-MMF qalet li l-motorsport huwa pprattikat barra, u mingħajr l-ebda kuntatt ta’ xejn fost dawk kollha nvoluti.
Il-president tal-Federazzjoni Duncan Micallef tenna li bl-estensjoni tal-miżuri issa huwa mpossibli li jintemmu l-Kampjonati Nazzjonali u s-sewwieqa Maltin se jkunu qed jitilfu l-opportunità li jikkompetu barra l-pajjiż is-sena d-dieħla.
Anke l-ASA kellha reazzjoni iebsa għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet, li fi stqarrija qalet tħalli l-atleti, il-clubs, u l-assoċjazzjonijiet f’limbu.
L-Assoċjazzjoni responsabbli għall-għawm u l-waterpolo qalet li ċ-ċifri ppubblikati mill-awtoritajiet tas-saħħa, li juru li l-attivitajiet sportivi wasslu għall-inqas numru ta’ każi ta’ Covid, huma fihom infishom prova li l-assoċjazzjonijiet imxew b’responsabbiltà fix-xhur li għaddew: imma d-deċiżjoni tal-lum hija daqqa ta’ ħarta f’wiċċ atleti u amministraturi dedikati.