Waqt TVAM Marsa FC U Pembroke Ath. Ikomplu Jisħqu Fil-Proċess Ta’ Ġustizzja Sportiva Magħhom
Il-President ta’ Pembroke Athleta Alex Calleja u l-Viċi President ta’ Marsa Joseph Xuereb il-Ħamis filgħodu kienu fuq TVAM għall-intervista ma’ Chris Falzon fejn reġgħu għafsu fuq il-fatt li waqt li jirrispettaw ir-regolamenti min-naħa tal-Malta Football Association fejn tidħol ‘Force Majeure’, jemmnu li fuq mertu sportiv xorta għandhom jiġu promossi għall-Kampjonat Premier.
Calleja tenna li bħala membru fil-Kunsill jifhem id-dinamika kollha ta’ kif jaħdmu l-affarijiet, madankollu jemmen fir-rieda tajba ta’ ħafna mill-membri tal-Kunsill fl-eventwalita li jiġu għall-vot wara l-proposti mressqa u approvati mill-Eżekuttiv aktar kmieni din il-ġimgħa.
Min-naħa tiegħu Xuereb f’isem Marsa li kienu aktar voċiferi fil-kwistjoni kollha, tenna li jekk Marsa ma’ jiġux promossi fl-ogħla diviżjoni tkun katastrofi għall-klabb, investiment ta’ eluf ta’ ewro mormi, meta ħafna mill-isponsors tawhom il-flus bil-wiegħda tal-promozzjoni.
Żied jgħid li huma kienu ferm viċin li jaslu għal dak li ħadmu għalih, kienu se joħorġu ta’ rġiel mal-isponsors u allura l-fatt li t-tim tiegħu kien jonqsu anqas minn 25% tal-logħob kif jgħid ir-regolament, jara li hija nġustizzja kbira li Marsa se jiġu mċaħħda mil-promozzjoni fl-ogħla diviżjoni.
Xuereb tenna ukoll li jekk il-proposti tal-Kumitat Eżekuttiv ikunu konfermati fejn tidħol komposizzjoni tal-Kampjonati għall-istaġun li ġej, li allura jkun tfisser li Marsa jkollhom jibqgħu fiċ-Challenge League, hu jkun l-ewwel wieħed li jżomm ma’ dak imħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa meta l-Kumitat Marsi kien iddeċieda li jirriżenja en bloc, fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħuda nhar it-Tlieta li għaddew mill-Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni.
Il-Kunsill tall-MFA li jrid jissiġilla l-proposti maqbula fl-Eżekuttiv, għall-istaġun li ġej għandu quddiemu Kampjonat Premier bi 12-il tim, Challenge League b’żewġ sections ta’ ħdax-il tim f’kull waħda, b’importanza qed tingħata lill-co-efficient meta jiġu biex jittellaw il-poloz tat-timijiet fiż-żewġ sezzjonijiet rispettivi u biex jiġi evitat żbilanċ bla bżonn, il-bqija tat-timijiet, dsatax fin-National Amateur League għall-istaġun li ġej 2021/22.