“Żgur Li Bi Kliemi Qatt Ma Kienet L-Intenzjoni Li Nweġġa’ Lil Xi Ħadd” – Il-Ministru Josè Herrera
Wara li lbieraħ f’rapport minn Francesco Catania fuq Net News intqal li “l-Ministru għall-Kultura Josè Herrera ma jemminx li l-arti f’pajjiżna tista’ titqies bħala impjieg jew business…. iżda hija biss vokazzjoni”, il-Ministru Herrera wieġeb li t-tweġiba tiegħu ġiet mgħawġa u nftehmet kif wieħed ma kienx mixtieq.
Herrera qal li dan għaliex il-kuntest tat-tweġiba li ta, kien fis-sens li hemm il-ħtieġa li jisaħħu l-aspetti intraprenditorjali tal-artisti u l-kreattivi tagħna.
“Żġur, li bi kliemi qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħi li nweġġa lil xi ħadd, anzi għall-kuntrarju jien ridt li neleva l-prestigju tal-ħidma tal-artisti li jpoġġu l-arti qabel l-introjtu finanzjarju tagħhom”, tenna l-Ministru filwaqt li saħaq li seta’ uża terminoloġija aħjar biex ma jkunx hemm lok għall-misinterpretazzjoni.
Fi stqarrija, il-Ministru Josè Herrera qal li ma nistgħux naħarbu mill-fatt li l-inizjattiva mħabbra lbieraħ hija waħda minn numru ta’ miżuri b’saħħithom li jinkoraġixxu t-tkabbir sabiex s-setturi kulturali u kreattivi jkollhom l-assistenza kollha possibbli, sabiex jinħolqu aktar karrieri u intrapriżi sostenibbli.
Fakkar ukoll li f’dan il-perjodu ta’ sfida bla preċedent kienu żgur ta’ għajnuna u sostenn għas-settur kollu, il-bosta inijattivi li tmexxew ‘il quddiem mill-Ministeru li hu jmexxi, fosthom it-tnedija tal-iskema ta’ appoġġ ta’ €1.3 miljun bħala parti minn investiment dirett ta’ €6 miljuni fis-setturi tal-kultura u kreattivi.
“Nerġa ntenni, l-ħidma u l-impenn tiegħi lejn l-artisti u l-kreattivi kollha, għaliex naf u naprezza dak kollhu li setgħu għaddew minnhu matul l-aħħar xhur minħabba l-pandemija”, temm il-Ministru.