622 Żwieġ Pospost Bejn 2020 U Llum
Fis-stqarrija l-Aġenzija Identity Malta, stqarret li matul l-2020, ġew irreġistrati iktar twelid milli imwiet. Ċifri tar-Reġistru Pubblliku juru kif is-sena li għaddiet ġew irreġistrati 4,206 twelid u 3,570 mewt f’pajjiżna. Minkejja li s-sena 2020 ma kinitx bħas-snin preċedenti, Identity Malta wieġbet għall-isfidi li ġabet magħha l-pandemija billi żgurat il-kontinwazzjoni tas-servizzi li toffri, filwaqt li pproteġiet s-sigurtà u l-benesseri tal-impjegati u tal-pubbliku ġenerali. Wieħed seta’ jirreġistra twelid jew mewt billi jidħol fis-sit ta’ Identity Malta u jimla’ formola ta’ reġistrazzjoni onlajn. Wara li din ir-reġistrazzjoni tkun saret b’suċċess, wieħed jista’ jordna kopja taċ-ċertifikat tat-twelid jew tal-mewt onlajn, permezz tas-sit ċertifikati.gov.mt.
L-uffiċċju li l-Aġenzija Identity Malta għandha f’Mater Dei, li daħal fit-tielet sena tal-operat tiegħu, s’issa proċessa aktar minn 15,000 notifika bi 80% tat-twelid u 45% tal-imwiet f’Malta nnotifikati hemmhekk.
Wieħed jinnota kif persuni li jaħdmu f’diversi djar residenzjali tal-anzjani, jistgħu ukoll jirreġistraw notifiki ta’ mewt mill-post tax-xogħol tagħhom. Dan qiegħed isir wara taħriġ intensiv li provdiet l-Aġenzija. Is-sena li għaddiet ġew proċessati ’l fuq minn 300 notifika ta’ mewt fil-Faċilità għal Kura fit-Tul, San Vinċenz de Paul u djar residenzjali oħra għall-anzjani.
Is-sena 2020 ġabet magħha sfidi għall-koppji li xtaqu jiżżewġu, bin-numru ta’ żwiġijiet posposti jilħaq 622 sal-lum. L-Aġenzija qegħda ukoll tgħin lil dawn il-koppji billi rrinunzjat il-miżati tar-reġistrazzjoni taż-żwieġ f’każ ta’ posponiment taż-żwieġ.
L-applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni tal-projbizzjonijiet fl-2020 ammontaw għal 1,652. L-ammont ta’ żwiġijiet ċivili rreġistrati matul l-2020 kien ta’ 748 u l-ammont ta’ żwiġijiet reliġjużi rreġistrati kien dak ta’ 326.
Is-sena l-oħra, it-total taċ-ċertifikati ta’ stat ċivili maħruġa mir-Reġistru Pubbliku (inklużi ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ u tal-mewt) laħqu 56,200. Minn dawn, 52% kienu mixtrija onlajn permezz tas-sit ċertifikati.gov.mt.
Ritratt: The Guardian