76,753 Kont Virtwali Ġdid Tal-E-ID Attivati ​​Fl-2020

 76,753 Kont Virtwali Ġdid Tal-E-ID Attivati ​​Fl-2020

L-Aġenzija Identity Malta tara żieda fis-servizz elettroniku tal-Gvern. Din l-Aġenzija tħabbar li matul l-2020 ħarġet 34,157 e-ID cards ġdida, b’31% minnhom jinħarġu fil-format tal-karta l-ġdida.

Fl-istess sena din l-Aġenzija ħarġet 133 dokument tal-ivvjaġġar ta’ emerġenza u pproċessat 568 talba urġenti għall-ħruġ ta’ passaport.

Fl-isfond tal-pandemija, l-Aġenzija nnutat żieda fl-attività tal-Gvern fejn jidħol is-servizz elettroniku u attivat 76,754 kont virtwali ġdid tal-e-ID fl-2020, li jimmarka żieda ta’ 87% meta mqabbel mal-2019. Barra minn dan, 139,464 e-ID password virtwali ġew ipprogrammati mill-ġdid fl-2020.

Wieħed jinnota ukoll tnaqqis sostanzjali fit-talbiet għall-passaporti, fejn fl-2020 inħarġu 18,834 passaport ġdid, b’kuntrast mal-2019 fejn kien hemm 51,210 passaport maħruġ.

Wara li l-passaport elettroniku ġdid Malti ġie ddikjarat l-aqwa dokument t’identifikazzjoni reġjonali għall-2020, Identity Malta nediet il-karta tal-identità l-ġdida li tispikka għall-karatteristiċi li jiżguraw is-sigurtà tad-detenturi.

Il-karta tal-identità l-ġdida Maltija li daħlet fiċ-ċirkolazzjoni f’Settembru li għadda hija iddisinjata biex tkun durabbli kemm jista’ jkun, u tinkorpora saffi ta’ sigurtà sofistikati ħafna, li jagħmilha diffiċli ferm biex id-dokument jiġi ffalsifikat jew imbagħbas għal skopijiet ta’ serq ta’ identità. 

Dan id-dokument t’identifikazzjoni ġdid jippermetti lid-detentur jiffirma dokumenti b’mod diġitali u jawtentika b’mod sigur l-identità tiegħu meta jaċċessa servizzi elettroniċi tal-Gvern.

Wieħed jinforma lil pubbliku li l-passaport elettroniku u l-karta tal-identità l-ġdida jinħarġu fuq applikazzjonijiet ġodda jew applikazzjonijiet ta’ tiġdid, u d-dokumenti eżistenti fiċ-ċirkolazzjoni jibqgħu validi sad-data ta’ skadenza tagħhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com