84% Tal-Manifest Elettorali Twettaq Jew Jinsab Fi Stadju Avvanzat
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ħabba li f’4 snin, il-Gvern wettaq 84% tal-miżuri tal-programm elettorali, f’konferenza tal-aħbarijiet f’Dar il-Mediterran, bit-tema Gvern għan-Nies.
Spjega r-responsabilità tiegħu li jassigura l-iskrutinju tal-Manifest Elettorali, ħidma li tinvolvi monitoraġġ mill-qrib tal-mijiet ta’ proposti fil-programm. Tenna li l-ħidma bejn il-Ministeri kollha wasslet biex minn Ġunju tas-sena l-oħra sal-lum twettqu 100 miżura.
Issemmew fost oħrajn l-infrastruttura, bit-twettiq tal-proġett tal-Junction tal-Marsa, l-ikbar proġett infrastrutturali li qatt ra pajjiżna. Flimkien mal-infrastruttura saru wkoll investimenti fl-ambjent urban bil-ġonna vertikali.
Il-Gvern implimenta riformi importanti fosthom fil-mod ta’ kif jinħatru l-President tar-Repubblika, il-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali, fost oħrajn. Fl-istess żmien, il-pass riformista tal-Gvern wassal sabiex jiddaħħlu miżuri pożittivi favur is-sess sotto-rappreżentat fil-Parlament.
Fuq it-tema ta’ studju, il-Gvern nieda skemi għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, u kompla wkoll l-investiment b’saħħtu fis-servizz tas-saħħa, fejn minkejja l-pandemija, iddaħħlu CT Scanners ġodda, Vital Signs Monitors, u t-tielet MRI unit, fost oħrajn.
Tfakkar li ngħataw lura l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. Tkomplew ukoll l-aġġustamenti tal-pensjonijiet meta jidħlu fis-seħħ ftehim kollettivi ġodda, grazzi għall-ftehim bejn id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi u l-Ministeru għall-Familja.
Il-Ministru Abela saħaq li minkejja kull sfida, b’mod partikolari pandemija globali, ma ttapnitx ħidmet il-Gvern li jkompli jwettaq il-ħidma u r-rivoluzzjonijiet soċjali tiegħu biex kulħadd jimxi ’l quddiem, b’impenn u ta’ kuljum.