Aġġornat: Serb, L-Allegat Qattiel Mistenni Jitressaq Quddiem Il-Qorti T’Għawdex
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Pulizija b’rabta mal-omiċidju li sar tlett snin ilu t’Eġizzjan ta’ 43 sena, fi Triq San Dimintri fl-Għarb Għawdex, ġie ikkonfermat li l-allegat aggressur ta’ dan l-omiċidju ser ikun qiegħed jitressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex illejla għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija.
Jidher li l-Pulizija għandha fil-kustodja tagħha l-allegat aggressur li qattel lill-vittma, Serb ta’ 42 sena, Aleksandar Stojanovic.
Il-kelliem tal-Korp tal-Pulizija s-Sur Brandon Pisani spjega kif ġew analizzati diversi filmati mill-kameras tas-sigurtà sabiex jiġu determinati l-aħħar movimenti tal-vittma wara li pparkja l-vettura tiegħu fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex. Spjega ukoll kif il-Pulizija identifikat il-vettura li kien rikeb fiha l-Eġizzjan ftit qabel m’instab maqtul.
Jidher li l-vettura li l-allegat aggressur kien xufier tagħha, instabet f’pussess ta’ terzi persuni. Il-vettura li ntużat fl-omiċidju nstabet disa’ xhur wara l-qtil f’Malta.
Ġie spjegat kif fil-ġimgħat li għaddew intensifikaw l-investigazzjonijiet u permezz t’analiżi ta’ filmati u informazzjoni ġdida, il-Puliżija rnexxilha tidentifika li l-allegat aggressur li kien ukoll ix-xufier tal-istess vettura.
L-allegat qattiel, li ilu jgħix Malta għal diversi snin, ġie arrestat għall-ewwel darba fl-10 ta’ Mejju li għadda u kien ingħata l-police bail darbtejn.
Is-Sur Pisani spjega kif l-aħħar investigazzjonijiet għadhom għaddejin u qegħdin jiġu interrogati aktar persuni. Tkellem kif l-arma tad-delitt baqgħet ma nstabitx iżda l-iskrataċċ jindikaw li kienet shotgun, bil-qattiel jispara ħames tiri, u tnejn minnhom jolqtu lill-vittma f’għonqu u f’sidru.
Wieħed jinnota li l-akkużat Aleksandar Stojanovic kien weħel disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li seraq xi affarijiet minn Land Rover ipparkjata f’San Ġiljan.
Ritratt: One News