“Aħna L-Partit Tal-Ħaddiema Imma Wkoll Tan-Negozji” – Il-PM Jfaħħar Id-Determinazzjoni Tal-Ħaddiema Maltin

 “Aħna L-Partit Tal-Ħaddiema Imma Wkoll Tan-Negozji” – Il-PM Jfaħħar Id-Determinazzjoni Tal-Ħaddiema Maltin

F’intervent telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Robert Abela faħħar il-bżulija tal-ħaddiema Maltin u d-determinazzjoni li anke waqt pandemija, ma naqsux milli jinvestu.

Tenna kif ix-xogħol, il-ħaddiem u n-negozji se jibqgħu prijorità ta’ dan il-Gvern u qal li dawn dejjem sawwru l-prinċipji tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru għamel aċċenn għall-fatt li Malta rnexxielha żżomm is-sitwazzjoni tal-istil tal-ħajja taħt kontroll, fejn qal li mill-2013 ‘il quddiem, il-Gvern Laburista qatt ma qal li l-faqar huwa perċezzjoni. Dan wara li anke din il-ġimgħa ħarġet statistika dwar il-faqar. Spjega kif f’sena ta’ pandemija, dawk li huma mċaħħda materjalment b’mod sever, naqsu bi kważi elf persuna.

“Dan ġara għaliex m’għednhiex ejja nħallu n-nies waħedhom imma għidna, ejja nkunu l-Gvern tan-Nies”, spjega l-PM.

Fakkar li fil-bidu tal-pandemija tal-Covid-19, kien hemm il-previżjoni li madwar 50 elf persuna kienu se jispiċċaw bla xogħol. Fakkar ukoll, li pandemija, għandha aspett ekonomiku kif ukoll dak mediku. tenna li minflok, b’għaqal dan ma seħħx għaliex dejjem żammew f’moħħ il-Gvern, il-benessere tal-individwi minn kull aspett.

Qabbel ukoll lil pajjiżna ma’ pajjiżi barranin, li għalkemm ikbar fid-daqs u li jidhru iżjed b’saħħithom, bosta negozji fallew.

Abela għamel appell biex ikomplu jiżdiedu l-impjiegi ta’ kwalità biex b’hekk, issir dik il-qabża fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Waqt l-intervista fuq ONE Radio, Il-Prim Ministru għamel referenza għall-ftuħ tal-ħwienet matul din il-ġimgħa kif ukoll għall-fatt li l-każijiet attivi komplew neżlin b’mod drastitiku. Hawnhekk qal li għada t-Tnejn, hu flimkien ma’ martu Lydia ser jitlaqqmu bil-vaċċin wara li rreġsitraw u enfasizza li rridu nieħdu ħsieb saħħitna biex insalvaw is-sajf tagħna għall-ġid ta’ kulħadd.

Spjega kif mill-10 ta’ Mejju ‘il quddiem, ser ikun qed iħares b’ottimiżmu għal aktar tnaqqis fil-miżuri u spjega għaliex dan qed isir b’mod gradwali biex ma nissugrawx. Fakkar kif fl-1 ta’ Ġunju Malta se tiftaħ mill-ġdid għal din l-industrija.

Robert Abela saħaq bis-sħiħ dwar l-importanza li kulħadd jitlaqqam fejn sa issa, 110,000 persuna diġà ħadu t-tieni doża. Dan jagħmel lil pajjiżna l-aqwa, f’dik li hija rata ta’ tilqim fl-Ewropa u fost l-aqwa fid-dinja.

Fl-aħħarnett, il-Prim Ministru spjega wkoll dwar inizjattiva favur ambjent aħjar fejn fil-ġimgħat li ġejjin, se tibda sensiela ta’ tindif u manutenzjoni madwar il-gżejjer tagħna, liema kampanja se tkun immexxija mill-ħaddiema tat-tindif, tal-parks, tal-Enemalta kif ukoll minn Transport Malta.

Isma’ l-intervent sħiħ hawn:

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com