Atleti Maltin B’Rebħiet U Rekords Fi Split u Palermo

 Atleti Maltin B’Rebħiet U Rekords Fi Split u Palermo

Prestazzjoni oħra eċċellenti mill-atleti Maltin f’żewġ avvenimenti internazzjonali fi Split, fil-Kroazja u f’Palermo fi Sqallija, li fihom rebħu għadd ta’ kompetizzjonijiet filwaqt li kisru numru ta’ rekords lokali fil-proċess.

Mireya Cassar, li kienet qed tikkompeti fil-kompetizzjoni tal-Hammer throw ta’ taħt it-23 sena kisbet rekord nazzjonali fil-Kategorija tagħha fil-European Throwing Cup organizzata mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Atletika fi Split. It-tefgħa tagħha ta’ 45.04m kienet ta’ żewġ metri biss anqas mir-rekord nazzjonali tal-kbar, riżultat b’saħħtu ħafna għal din l-atleta ta’ 18-il sena.

Prestazzjonijiet tajbin ħafna kienu reġistrati wkoll minn Luca Farrugia, b’48.57m u Bradley Mifsud, b’ 44.25m fid-discus u minn Luca Martini b’50.81m fil-hammer throw U/23.

Grazzi għas-sħubija ġdida bejn Athletics Malta u r-reġjun Sqalli tal-Federazzjoni Taljana tal-Atletika, il-FIDAL, tmien atleti Maltin setgħu jikkompetu f’dan l-avveniment u b’hekk ikomplu t-tħejjija tagħhom għal avvenimenti internazzjonali fejn se jkunu qed jirrappreżentaw lill-pajjiżna fil-ġimgħat li ġejjin.

Daniel Saliba, ta’ Pembroke, kiser ir-rekord nazzjonali fil-110m hurdles b’ħin ta’ 15”13, biex b’hekk l-atleta, fl-ewwel tellieqa tiegħu tal-istaġun, kompla jersaq aktar qrib it-tragward importanti li jinżel taħt il-15-il sekonda.

Prestazzjoni tajba ħafna wkoll għal Carla Scicluna li rebħet il-200m b’24”75, ftit wara li spiċċat l-ewwel anke fil-100m b’12”12. Filwaqt li dawn iż-żewġ riżultati kienu personal best għaliha, il-ħin miksub fuq il-200m ippermettilha tikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-23 sena li se jsiru f’Bergen, fin-Norveġja.

Hemmhekk, hija se tingħaqad ma’ Claire Azzopardi rebbieħa tal-long jump b’seasonal best ta’ 5.95m.

Atleti oħra li għamlu unur għall-pajjiżna f’Palermo kienu Steve Camilleri, Sean Spiteri u Martha Spiteri li rebħu t-tlielaq rispettivi fuq id-distanzi ta’ 100m (11”12), 200m (22”60) u 400m (58”59) b’ħinijiet eċċellenti.

Dillon Cassar (Mellieħa AC) ħareġ rebbieħ fuq id-distanza ta’ 5000 metru, f’tellieqa mill-aktar teknika, li fiha temm b’14:48:95, ħin b’saħħtu fit-tħejjija tiegħu għall-Kampjonat tal-10,000 metru ta’ European Athletics li se jsir f’Birmingham.

Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja, aktar atleti Maltin se jipparteċipaw f’avvenimenti barra minn xtutna, preċżament f’Vjenna (Awstrija) u Agropolis (Italja). Il-parteċipazzjoni tal-atleti Maltin barra l-pajjiż qed tkun appoġġjata minn Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

 

Ritratt: Athletics Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com