Att Erojku: Miet Jipprova Jsalva Lil Sieħbu F’San Pawl Il-Baħar
Tard ilbieraħ filgħaxija, ftit wara nofsillejl f’Dawret il-Gżejjer, żewġt irġiel tilfu ħajjithom wara li għerqu f’San Pawl il-Baħar. Wieħed mill-irġiel sab ruħu f’diffikultà u l-ieħor kien qed jipprova jsalvah.
Il-vittmi, it-tnejn Niġerjani, wieħed ta’ 22 u l-ieħor ta’ 27 sena, għerqu wara li wieħed minnhom waqa’ fil-baħar u ma setax jitla’ lura l-art. Ir-raġel l-ieħor beda jgħajjat għall-għajnuna, u wara niżel jgħin lill-ewwel vittma. Aktar tard sab ruħu f’diffikultà wkoll.
Il-Pulizija sejħet l-għaddasa tal-Forsi Armati u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jgħinuhom, iżda l-irġiel Niġerjani ġew iċċertifikati mejta fuq il-post.
Ħu wieħed mill-vittmi, emozzjonat qal li ħuh kien persuna twajba ħafna. Dejjem poġġa lill-familja u lill-ħbieb l-ewwel, u kien qalbu tajba, dejjem jiċċajta.
Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ħatret inkjesta fuq il-każ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratt: Newsbook.com.mt