B’Dieqa Malta Ma Ħaditx Sehem Fil-Ftuħ Tal-Eurovision
Hekk kif ilbieraħ ingħata bidu għall-ftuħ uffiċjali tal-Eurovision Song Contest 2021, Malta kellha tibqa’ lura milli tkun parti minn din iċ-ċerimonja bħala mezz ta’ prekawzjoni. Dan wara li ħarġu żewġ każijiet pożittivi tal-Covid 19, wieħed mid-delegazzjoni tal-Polonja, u ieħor minn tal-Iżlanda.
Minkejja li ħadd mid-delegazzjoni Maltija m’huwa pożittiv għall-Covid-19, din id-deċizjoni ttieħdet minħabba l-fatt li d-delegazzjoni Maltija tinsab fl-istess lukanda li qegħdin jgħixu fiha l-imsemmiha delegazzjonijiet.
L-istess prinċipju applika għall-pajjiż tar-Rumanija, li ukoll għandu d-delegazzjoni tiegħu fl-istess lukanda.
Il-European Broadcasting Union fi stqarrija lbieraħ qalet li l-artisti kollha sarilhom PCR test ilbieraħ stess minħabba ċ-ċerimonija tal-ftuħ, u d-delegazzjoni Maltija u dik Rumena ser ikun qiegħed isirilhom test ieħor. Dan kollu qiegħed isir bl-għan li l-avveniment tant mistenni tal-Eurovision ikun sigur mill-Covid-19.
L-ambaxxattriċi Maltija, Destiny esprimit id-diżappunt tagħha għal fatt li ma pparteċipax fuq it-tapid l-aħdar fiċ-ċerimonja tal-ftuħ, iżda spjegat kif il-protokoli ta’ sigurtà jibqgħu ta’ prijiorità għal kulħadd. Kuraġġ Malta!