Bejn Il-Kliem U L-Fatti Hemm Il-Marsa Tikkumbatti

 Bejn Il-Kliem U L-Fatti Hemm Il-Marsa Tikkumbatti

Aktar ma niltaqa’ u nitkellem ma’ residenti mill-Marsa, aktar ninduna kemm hemm bżonn li nagħtu leħen lil din il-lokalità – issa aktar minn qatt qabel. Għal darb’oħra l-Marsin se jkollhom jerfgħu l-piż tal-pajjiż kollu għad-detriment tal-ambjent li jgħixu fih. Issa qegħdin jaffaċċjaw sfida oħra għax il-Gvern irid iqiegħed it-tankijiet taż-żejt u l-faċilità tal-ħasil tat-tankers taż-żejt fil-Marsa. Illum iktar minn qatt qabel, irridu nsemmgħu leħen il-Marsin għax il-Marsa ma tiflaħx għall-ħasil tat-tankers taż-żejt ukoll.

Dan il-pajjiż irid jifhem li l-Marsa mhijiex sempliċiment bypass jew post industrijali, iżda hemm eluf ta’ residenti li ħaqqhom l-attenzjoni tagħna u hu dmirna li nagħtu aktar każ tal-weġgħat tagħhom.

Smajt kemm saru wegħdi li ma nżammux mal-Marsin – issa kien jonqos li nżidu mal-problemi li diġà hemm: ir-rilokazzjoni tat-tankijiet taż-żejt u l-faċilità tal-ħasil mill-Kalkara għall-Marsa. Irridu nifhmu li problema ma tissolvix billi żżarma knisja biex tibni oħra. Dak li mhuwiex tajjeb għar-residenti tal-Kalkara, u bir-raġun, m’għandux ikun tajjeb għar-residenti tal-Marsa. Huwa minnu li r-residenti tal-Kalkara ma ħaqqhomx jibqgħu jsofru l-irwejjaħ, iżda allura għalfejn il-Marsin għandhom jaċċettaw li jbatu l-konsegwenzi huma minflok?

Din m’għandix tkun kwistjoni ta’ liema lokalità għandha ġġorr il-piż, għaliex ebda resident ta’ ebda raħal f’Malta u Għawdex m’għandu jitlef id-dritt li jgħix f’ambjent san u sostenibbli, u li jiġi mċaħħad minn kwalità ta’ ħajja għolja. Għalhekk nistaqsi: X’sar minnha l-wegħda li għamel il-Gvern f’Novembru tal-2019 meta wiegħed li dawn it-tankijiet se jitqiegħdu f’faċilità offshore fuq vapur? Għaliex iżda issa minflok għażel li t-tankijiet jitqiegħdu l-Marsa bieb u għatba mal-Marsin?

Irridu nirrikonoxxu li meta sar sforz pubbliku mill-partiti politiċi rispettivi, kienu ġew indirizzati xi wħud mill-weġgħat tal-Marsin;  bħal per eżempju meta ftit snin ilu rajna l-għeluq tal-Power Station fil-Marsa jew inkella meta grazzi għall-pressjoni mill-Oppożizzjoni reġgħet bdiet tinfetaħ l-għassa tal-Pulizija fil-Marsa. Dawn huma eżempji ta’ kemm il-politika tista’ tintuża bħala għodda tajba biex tgħin lir-residenti. Kien hemm ukoll il-pjan ta’ riġenerazzjoni għall-Menqa tal-Marsa, li kien tħabbar fl-2009 minn Gvern Nazzjonalista u ftit tas-snin ilu, Gvern Laburista qal li se jkompli fuqu wkoll – għalkemm issa jidher li se jkun qiegħed imur lura mill-wegħda li għamel lill-Marsin bħallikieku l-Marsin ma ħaqqhomx ikollhom xatt sabiħ u spazju miftuħ fejn jistgħu jinġabru l-familji.

Huwa tajjeb li jsiru proposti u noħolmu biex nagħmlu differenza, però wisq nibża’ li xi kultant isiru wegħdi bi skop partiġġjan biex jintrebħu l-voti. Il-Marsa rat ħafna minn dawn, fosthom il-wegħda li ż-żona tal-power station l-antika tiġi rijabilitata f’żona bi spazji miftuħin li jgawdu minnhom il-familji kif ukoll spazji rikrejattivi u kummerċjali. Kien hemm ukoll il-wegħda li jingħalaq l-Open Centre u li jwassal biex dan l-ispazju fil-Marsa jkun jista’ jiġi rriġenerat. S’issa dawn għadhom ma sarux u sal-lum, il-Marsin għadhom qed jittamaw li xi darba jitwettqu. Il-Gvern jippreferi jilgħab bl-emozzjonijiet tan-nies billi jwiegħed wegħdi li qatt ma jwettaq u llum iktar minn qabel il-Marsin jafu li bejn il-kliem u l-fatti, hemm il-Marsa tikkumbatti.

Din il-kwistjoni mhijiex ballun politiku, anzi qiegħed nieħu gost nara l-Marsin mhux mifruda politikament taħt il-kuluri partiġġjani, anzi magħquda fi front wieħed taħt il-kuluri tal-Marsa: l-aħmar u l-blu flimkien. Iżda ejja nagħmlu kuraġġ, għaliex għadna fiċ-ċans li nbiddlu din id-deċiżjoni. Inserraħ ras il-Marsin kollha li għalhekk, se ssibu lili magħkom biex nirrappreżentakom f’din l-isfida li qegħdin naffaċċjaw.

Jekk fl-aħħar ġimgħat ma tgħallimt xejn, il-Marsin għallmuni li huma ma jridux tidwir mal-lewża, iżda politiċi diretti u li fuq kollox lesti biex jaħdmu qatigħ ħalli jsemmgħu leħen il-Marsin f’kull livell tal-politika. Fil-ġimgħat li ġejjin, beħsiebni nħabbat iktar bibien tal-Marsin biex nisma’ direttament mingħandhom kif anke jien nista’ nkun parti mis-soluzzjoni u nwettaq il-ħolm tagħhom magħhom.

Dan huwa artiklu ta’ kontribuzzjoni miktub minn Darren Carabott –Avukat u Kandidat fuq l-Ewwel Distrett f’isem il-Partit Nazzjonalista

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com