Bil-Filmat: Jitħabbar Ir-Raba’ Rilaxx Ta’ Restrizzjonijiet Fid-Djar Tal-Anzjani
Il-Ministru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva Michael Farrugia llum ħabbar ir-raba’ rilaxx ta’ restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani, maqsum f’fażijiet differenti li se jwasslu biex mill-14 ta’ Ġunju, residenti fid-djar tal-anzjani jkunu jistgħu jmorru għand qraba tagħhom taħt ċerti kundizzjonijiet.
Hawnhekk, il-Ministru Michael Farrugia reġa’ għamel enfasi biex iżjed persuni b’mod speċjali qraba tar-residenti, jitlaqqmu “sabiex inkunu nistgħu nersqu aktar lejn in-normalità”.
Ir-rilaxx se jsir kif ġej:
Mill-4 ta’ Ġunju
- Żjarat fi Djar tal-Anzjani se jsiru bejn l-10:30 m. u l-11:30 a.m. u bejn il-5:00 p.m. u s-6:30 p.m.
- Kull resident jista’ jżuru viżitatur wieħed kull darba.
- It-tul ta’ kull żjara se jkun ta’ 25
- Huma biss il-viżitaturi li tlaqqmu kompletament li jistgħu jidħlu fil-kmamar tar-residenti.
- Tinżamm distanza soċjali u tintlibes il-maskra.
- Min mhux imlaqqam jibqa’ jiltaqa’ fiż-żona komuni kif sar sa issa.
- Iż-żjarat kollha f’San Vinċenz de Paul jibqgħu jsiru bis-sistema ta’ appuntament.
Residenti li jattendu appuntamenti out-patient
- Residenti mlaqqmin u li għandhom bżonn jattendu għal appuntament ta’ out-patient fl-Isptar, jiġu ssorveljati għal xi sintomi possibbli relatati ma’ Covid-19 mar-ritorn tagħhom fid-Dar.
- Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 5 ijiem kwarantina u jsirilhom PCR swab test.
Residenti li jirritornaw f’Dar tal-Anzjani mill-Isptar
- Residenti mlaqqmin isirilhom PCR swab test mar-ritorn tagħhom fid-Dar.
- Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 5 ijiem kwarantina u jsirilhom PCR swab test.
Residenti ġodda fid-Djar għall-Anzjani
- Residenti ġodda li jiddaħħlu fid-Djar tal-Anzjani mill-komunità u jkunu mlaqqmin, isirilhom PCR swab test.
- Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 14-il jum kwarantina u jiġu mlaqqmin.
Mit-8 ta’ Ġunju:
Iċ-ċentri ta’ matul il-jum se jibdew jilqgħu 8 anzjani u 3 membri tal-istaff.
Mill-14 ta’ Ġunju:
- Residenti minn Djar tal-Anzjani li huma mlaqqmin jitħallew joħorġu ma’ qraba li jkunu imlaqqmin u jiġu ssorveljati għal xi sintomi relatati mal-Covid-19 mar-ritorn tagħhom.
- Residenti mhux imlaqqmin jibqgħu 5 ijiem kwarantina u jsirilhom PCR swab test.
Intqal li r-residenti jistgħu jattendu appuntamenti mediċi barra mid-Dar tal-Anzjani akkumpanjati minn qraba li jkunu mlaqqmin.
Dr. Michael Farrugia tenna wkoll, li huwa importanti li l-ftit anzjani li baqa’ li ma ħadux it-tilqima flimkien mal-qrabat tagħhom biex jitlaqqmu għaliex din ser tkun qed tgħin fil-passi li jridu jittieħdu fil-ġimgħat li ġejjin.