BIL-FILMAT: Kanzunetta B’Vidjo Mużikali Dedikata Lil Ġorġ tal-Mużew
Il-kantanta Simone Gauci tniedi kanzunetta b’vidjo mużikali b’dedikazzjoni għall-Ġorġ Agius, magħruf aħjar bħala Ġorġ tal-Mużew.
Il-kanzunetta bl-isem ta’ ‘Maħbub’ għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas u arranġament mużikali ta’ Andrew Zammit minn Tone Studios.
Parti kbira tal-vidjo mużikali huwa miġbud fil-Birgu, art twelid Ġorġ Agius.
Il-kanzunetta tfakkar il-memorja għażiża ta’ Ġorġ, persuna li tista’ tgħid kien maħbub minn kulħadd. Persuna li dejjem nissel tama, fiduċja, kuraġġ u wens ma’ kull min iltaqa’. Il-vidjo mużikali huwa xogħol ta’ Mauro D’Amato u t-tpenġija ta’ Ġorġ li ntużat waqt il-vidjo hija ta’ Mariana Spiteri.
Simone tkellmet kif kienet għażla naturali li taħdem kanzunetta dwar Ġorġ għax xtaqet li tfakkar il-memorja tiegħu. Dejjem ammirat it-talent sabiħ li kellu, talent li kien juża biex ifaħħar lil Alla u jgħin lil min ikollu bżonn ftit faraġ. Simone tistqarr li “[m]issieri, li ġie nieqes ħmistax-il sena ilu kien jaf lil Ġorġ personalment u dejjem tkellem b’rispett kbir lejh.”