Bżonn Ta’ Aktar Rispett Lejn Il-Ġurnalisti – IĠM
Fil-Jum Dinji għall-Libertà tal-Istampa, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, appella għal sforz kollettiv biex il-ġurnalisti jintwerew aktar rispett fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Jum Dinji għal-Libertà tal-Istampa joffri opportunità biex il-ġurnalisti jkunu nkoraġġiti u appoġġjati biex jipprovdu lill-pubbliku b’informazzjoni ta’ kwalità u ta’ min joqgħod fuqha.
L-IĠM qal li dan mhux biss hu mportanti minħabba l-informazzjoni żbaljata li qed tixtered fuq il-media soċjali, imma wkoll għax ix-xogħol tal-ġurnalist sar aktar diffiċli fi żmien il-pandemija tal-COVID-19. L-IĠM kompla jgħid li mhux se jaċċetta li l-pandemija tkun użata biex jitpoġġew restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-Istampa jew b’xi mod jitwaqqaf id-dibattitu fl-istampa. B’mod partikolari, l-Istitut semma’ l-fastidju kontinwu li l-ġurnalisti nisa jkollhom jiffaċċjaw fuq il-media soċjali.
“Dan mhux biss ibaxxihom imma jżomm lura tfajliet milli jidħlu għal din il-professjoni. Bħala r-raba’ pilastru f’demokrazija, kull pajjiż jiddependi fuq ġurnaliżmu indipendenti, bażat fuq fatti u ta’ min joqgħod fuqu. Il-ġurnalisti huma konxji li x-xogħol tagħhom għandu ċertu periklu, iżda mhux se jċedu quddiem dawn l-isfidi filwaqt li jistennew li l-awtoritajiet jirrispettaw ix-xogħol tagħhom,” sostna l-IĠM.
Saret referenza għal laqgħa li rappreżentanti tal-IĠM kellhom mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ San Anton ftit jiem ilu, dawn il-problemi kienu diskussi fit-tul.
Ġie spjegat kif diversi djar tal-media f’pajjiżna ġarrbu telf kbir fi żmien il-pandemija. Hawn tfakkar kif għalkemm l-għajnuna tal-Gvern permezz bl-iskema tal-“wage supplement” u għotja ta’ darba għenu biex jonqos l-impatt negattiv, il-ġurnalisti, bħal professjonisti oħra, kellhom jaċċettaw tnaqqis fil-pagi filwaqt li kellhom jaħdmu aktar biex ikomplu jipprovdu informazzjoni korretta lill-qarrejja, telespettaturi u semmiegħa.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li jixtieq li jkun hemm diskussjonijiet biex din l-għajnuna tkun estiża lill-djar kollha tal-media fuq bażi annwali, kif isir f’ħafna pajjiżi Ewropej oħra.