Delia U Azzopardi Jiftiehmu; Il-PN Iħassar Il-laqgħa
Tħassret il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista skedata għal-lejla u li ssejħet b’mod urġenti mill-Kap tal-PN Bernard Grech u li matulha kellhom jiġu diskussi posts li ttellgħu fuq Facebook nhar it-Tlieta li għadda “bi ksur tar-regolamenti tal-Partit”.
Madanakollu fil-ħin li suppost bdiet il-laqgħa, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija konġunta mid-Deputati Nazzjonalista Adrian Delia u Jason Azzopardi.
Fl-istqarrija, Delia u Azzopardi jgħidu li waqt laqgħa li saret illum fid-Dar Ċentrali huma ddikjaraw li fil-post imtella’ minn Jason Azzopardi ma kien hemm l-ebda intenzjoni li tinftiehem xi referenza għal Adrian Delia fil-kuntest ta’ sentenza tal-Qorti.
Iddikjaraw ukoll li:
- t-tnejn li huma jagħrfu f’xulxin politiċi impenjati bis-sħiħ fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ħajja pubblika “li fniet lil pajjiżna sa mill-bidu nett tal-amministrazzjoni Laburista b’kuntratt ivvizzjat wieħed wara l-ieħor”.
- Azzopardi jagħraf li Delia qiegħed jiġġieled waħdu u b’sogru għalih fil-Qorti l-ġlieda kontra l-kuntratt ivvizzjat tal-isptarijiet ta’ Vitals
- Delia jagħraf li Azzopardi qiegħed fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-każijiet ta’ korruzzjoni li b’hekk inkixfu pubblikament u dan b’riskju għalih.
- Azzopardi jiddikjara wkoll li Delia mhu fil-but ta’ ebda negozjant u jiġġieled għalhekk il-korruzzjoni mingħajr xkiel jew kompromessi.
- M’għandux għalfejn jaħseb illi b’xi mod il-PN immexxi minn Delia jew Delia nnifsu għamel xi azzjoni jew ħa xi deċiżjoni biex David Casa ma jkunx elett bħala Membru Parlamentari Ewropew u li ma jirriżultalux li hemm il-mijiet ta’ messaġġi bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia.
- Delia u Azzopardi huma impenjati bis-sħiħ biex flimkien mal-PN kollu kemm hu, ikomplu jiġġieldu mingħajr biża’ u mingħajr favuri sabiex terġa’ tirrenja s-Saltna tad-Dritt u sabiex mill-ġdid il-pajjiż jaspira li jkompli
miexi ‘l quddiem b’indafa fil-ħajja pubblika u b’ġustizzja fejn kulħadd ikun ugwali quddiem il-liġi. - Delia u Azzopardi jimpenjaw ruħhom li jkomplu jiddedikaw l-enerġiji u l-ħiliet kollha tagħhom favur il-Partit Nazzjonalista u sabiex l-istess Partit Nazzjonalista joħroġ bħala l-partit rebbieħ fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.