“Destiny Dehret Iktar Komda Fil-Libsa R-Roża… Nittama Li Terġa’ Tilbes Lilha” – Kummentatur Ta’ Wiwibloggs
Il-blog popolari Wiwibloggs, ta’ kuljum itellgħu filmat b’reazzjonijiet għal dak li jkun qed iseħħ fil-Eurovision Song Contest. B’hekk illum kien imiss li jikkumentaw u jirreaġixxu dwar dak li ġara waqt il-prova tal-lum.
Huma mmedjatament bdew il-filmat tagħhom tal-lum billi semmew il-prestazzjoni ta’ Destiny bħala waħda mill-aqwa tlieta mir-rehearsal tal-lum, flimkien ma’ San Marino u l-Estonia.
Huma kkumentaw ukoll dwar l-ilbies ta’ Destiny u dwar il-fatt li llum libset libsa differenti minn dik li kienet biha fl-ewwel prova.
Iż-żewġ kummentaturi qablu li l-kontroversja li nqalgħet dwar l-ilbies ta’ Destiny kienet esaġerata u barra minn posta, speċjalment meta tikkunsidra li l-messaġġ tad-diska huwa li kull persuna għandha tħossha kunfidenti u libera tilbes dak li tixtieq.
Intant, iż-żewġ kummentaturi ma qablux dwar il-libsa l-ġdida, dik tal-kulur tal-fidda. Filwaqt li wieħed qal li din il-libsa tgħoġbu wkoll, hekk kif il-kulur tal-fidda huwa wieħed mill-kuluri favoriti tiegħu, il-kummentatur l-ieħor saħaq li l-libsa l-ġdida ma tgħoġbu xejn u qal li jittama li Destiny tmur lura għall-libsa r-roża. Huwa qal li jħoss li Destiny kienet aktar komda fil-libsa r-roża filwaqt li ddeskriviha bħala “sabiħa u unika”.
Inti x’taħseb dwar dan? Ikkumenta fuq il-post ta’ Facebook.