Diġà Nsterqu Mal-€100,000 – Attenti Minn Messaġġi Qarrieqa

 Diġà Nsterqu Mal-€100,000 – Attenti Minn Messaġġi Qarrieqa

Fi stqarrija mill-Uffiċju tal-Komunikazjoni fi ħdan il-korp tal-Pulizija, intqal li tul dawn l-aħħar erba’ ġimgħat il-Pulizija daħlulha mal-200 rapport dwar serq minn messaġġi qarrieqa jew emails.

B’ konsegwenza ta’ hekk, qegħdin jiġu misruqin flus mill-kont bankarju tagħhom u anke informazzjoni personali.

S’issa li l-ammont li nġibdu minn kontijiet bankarji ivarjaw bejn it-€800 u l-€1,800 kull vittma u b’hekk l-ammont misruq s’issa se jkun qabeż il-€100,000.

Fil-każ tal-iscam f’isem operturi postali, il-vittmi ġeneralment jirċievu messaġġ b’SMS jew b’email billi jintużaw isem u l-logo tal-kumpanija u jiġu infurmati li għandhom pakkett f’isimhom. L-SMS jew l-email ikun qed jimita operatur postali, bil-vittmi jingħataw struzzjoni biex jagħfsu fuq il-link u jħallsu miżata amministrattiva żgħira biex dan il-pakkett jiġi kkonsenjat lilhom.

Il-frodisti rnexxielhom ukoll jimmassimizzaw il-bidliet reċenti fis-servizz postali, kif ukoll fl-ipproċessar tad-dwana għal pakketti li joriġinaw minn barra l-Unjoni Ewropea, l-aktar minħabba Brexit, kif ukoll wara li tħabbar li minn Lulju li ġej il-pakketti kollha ġejjin minn pajjiżi barra l-UE se jkunu suġġetti għal tariffa tad-dwana.

B’hekk qiegħed ikun iktar faċli li jingannaw lil-persuni u ladarba l-vittmi jagħfsu fuq il-link, huma jiġu ppreżentati b’sit elettroniku falz li timita l-operatur postali u l-vittmi jintalbu jdaħħlu d-dettalji tal-karta tal-kreditu tagħhom u f’xi każijiet, il-vittmi jintalbu jdaħħlu password fejn wieħed qiegħed jaħseb li qed jawtorizza tranżazzjoni ġenwina ta’ ammont żgħir ta’ flus (medja ta’ €1.60). Meta l-vittmi jdaħħlu l-informazzjoni tal-karta tal-kreditu u lpassword fis-sit falz, il-frodisti, minnufih qegħdin jużaw din l-informazzjoni biex jieħdu ammont ferm akbar.

Scam permezz ta’ notifika bankarja

Fil-każ tal-iscams bankarji, il-metodu huwa essenzjalment l-istess bħal tal-operaturi postali. F’dan il-każ, il-vittmi jkunu ngannati biex jipprovdu l-kredenzjali tagħhom wara li jkunu ġew innotifikati dwar “tranżazzjoni suspettuża” u jintalbu jagħfsu fuq link sabiex jivverifikaw ittranżazzjoni inkwistjoni. Meta l-vittmi jagħfsu l-link, jitla’ sit elettroniku falza mfassal biex jisraq id-dettalji tal-vittmi.

Kif tista’ tipprevjeni milli taqa’ vittma ta’ dawn l-iscams?

Wieħed m’għandux jgħaġġel biex jagħfas fuq il-links u jagħti informazzjoni privata. Jekk wieħed jifli mill-qrib il-link li tintbagħat, wieħed jinnota li l-indirizz tal-websajt, magħruf aħjar bħala l-URL li jinsab fl-istrixxa tal-indirizzi mhuwiex ġenwin, għalkemm l-indirizz tal-websajt huwa simili ħafna.

Il-klijenti m’għandhomx isegwu xi links li jinsabu fl-email imma jżuru s-sit elettroniku ġenwina tal-operatur postali jew tal-bank li hija magħrufa pubblikament. Persuni li jirċievu kwalunkwe SMS jew emails li jitolbuhom jew jidħlu fil-kont tagħhom jew jipprovdu dettalji tal-ħlas jistgħu wkoll jivverifikaw il-ġenwinità ta’ dawn il-messaġġi billi jikkuntattjaw lill-kumpanija direttament permezz tat-telefon, email jew midja soċjali. Tużawx numri tat-telefon jew indirizzi tal-email provduti fil-messaġġ suspettuż innifsu imma, pjuttost, tuża d-dettalji uffiċjali tal-kuntatt ipprovduti mill-kumpanija.

Il-Pulizija qed tappella lil kwalunkwe persuna li sfat vittma permezz ta’ kampanji ta’ dawn it-tip ta’ scams magħrufa wkoll bħala SMShing biex tgħarraf lill-bank tagħha minnufih dwar it-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati li seħħew u wkoll isir rapport mal-Pulizija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com