Farrugia Kienet Qalet Li Muscat Se Jintroduċi L-Abort Għax M’Għandux Rispett Lejn Id-Dinjità Tal-Ħajja Umana
Lura fl-2017, id-Deputat Godfrey Farrugia kien qal li l-pass li jmiss wara l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni kien se jkun l-abort. Dakinhar, Joseph Muscat kien ċaħad l-istqarrija ta’ Farrugia u qal li l-abort ma kienx fil-pjan ta’ Gvern Laburista.
B’reazzjoni għal dak li qal Joseph Muscat, Marlene Farrugia kienet kitbet fuq il-midja soċjali u qalet li Muscat qed jigdeb u wissiet li l-iffriżar tal-embrijuni jirriżulta f’perċentwal ta’ embrijuni mitlufa, filwaqt li qalet li dan ifisser li eventwalment Muscat kien se jintroduċi l-abort “minħabba li m’għandu l-ebda konsiderazzjoni għad-dinjità tal-ħajja tal-bniedem kemm jekk hu embrijun iffriżat u anki jekk mhuiex”.
Din l-istqarrija ta’ Marlene Farrugia hija prova li hija kienet temmen li l-embrijun għandu “ħajja ta’ bniedem” u li b’hekk għandu jiġi protett.
Il-bieraħ hija resqet abbozz sabiex jiġi dikriminilizzat l-abort u qed isostni li hija “tagħti valur akbar lill-ħajja ta’ mara li qed tgħix mill-ħajja ta’ fetu li għadu ma twelidx”.