Fi Stadju Avvanzat Ix-Xogħol Fuq Iċ-Ċentru għal Persuni Bid-Dimensja Fl-Imtarfa

 Fi Stadju Avvanzat Ix-Xogħol Fuq Iċ-Ċentru għal Persuni Bid-Dimensja Fl-Imtarfa

Ix-xogħol fuq iċ-ċentru ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl li jinsab fl-Imtarfa, għal persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-Dimensja u jgħixu fil-komunità, jinsab fi stadju avvanzat.

Il-Ministru għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ Michael Farrugia llum żar dawn ix-xogħlijiet fid-dar tal-Anzjani, li qed isiru b’investiment ta’ madwar €70,000; proġett li beda fi Frar li għadda u mistenni li jitlesta fi żmien seba’ xhur. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru mill-ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Farrugia ħabbar li dan iċ-ċentru, li huwa mibni fuq 500 metru kwadru ta’ art, se jkollu diversi faċilitajiet, fosthom Dementia Garden. Spjega li dan iċ-ċentru fl-Imtarfa u ieħor f’Ħal Safi se jkunu l-ewwel ċentri f’pajjiżna li joffru servizz ta’ ‘respite’ għall-qraba ta’ persuni bid-Dimensja, kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl.

Spjega li l-persuni se jkollhom programm mimli attivitatjiet li se jiġi mplimentat minn ‘carers’ professjonali imħarrġa fil-kura tad-Dimensja. Se jkun hemm programmi ta’ attivitajiet differenti, skont il-pjan ta’ kura individwali ta’ kull applikant.

Iċ-ċentru se jkollu ambjent li jixbaħ dak ta’ dar biex kemm jista’ jkun il-persuni li jattendu, iħossuhom f’ambjent familjari u sikur. Dan iċ-ċentru ser jibbenefikaw minnu madwar 50 persuna.

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed ukoll f’ diskusjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa biex tinħoloq iktar kuxjenza dwar il-kundizzjoni tad-Dimensja fil-lokalità. Dawn id-diskussjonijiet għandhom iwasslu biex jiġu organizzati numru ta’ taħdidiet għall-komunità tal-Imtarfa bil-għan ewlieni biex il-lokalita’ tersaq eqreb biex issir ‘dementia-friendly community’.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com