Flotta Ġdida Għall-Protezzjoni Ċivili
B’investment ta’ iktar minn miljun u nofs ewro, ġew inawgurati vetturi ġodda sabiex il-Protezzjoni Ċivili tkun imħejjija aħjar għall-każijiet li jistgħu jinqalgħu.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri ħabbar li permezz ta’ dan l-investiment il-Gvern qiegħed juri li lest jinvesti kemm jiflaħ fis-sigurtà ta’ pajjiżna. Il-Ministru Camilleri spjega l-ħtieġa li dan id-Dipartiment daqstant importanti, jeħtieġ li jkollu f’idejh l-aqwa għodda.
Dawn il-vetturi ser jgħinu fil-ħidma li twettaq il-Protezzjoni Ċivili ta’ kuljum, inkluż ħidma fi spazju żgħir bħal sqaqien u toroq dojoq li jikkaratterizzaw ċerti rħula u bliet Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Camilleri sosstna li permezz ta’ dawn il-5 inġenji ġodda, kull stazzjon issa ser ikun mgħammar kif sippost, hekk kif id-Dipartiment ikun jista’ jassisti b’mod aħjar jekk jinqala’ inċident fil-postijiet imsemmija. Stqarr kif dan huwa riżultat ta’ “pjan ċar ta’ Gvern li jaħseb f’dak li jista’ jinqala’ u jipprepara għal kull eventwalità”.
Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Emanuel Psaila, spjega li dawn il-vetturi huma l-ewwel tax-xorta tagħhom fl-Ewropa, liema investiment ser ifisser xogħol bl-aktar mod effettiv li jħares is-sigurtà tal-poplu, kif ukoll tal-ħaddiema.