Fondi Ewropej Investiti Fil-Komunitajiet

 Fondi Ewropej Investiti Fil-Komunitajiet

Is-Segretarju Parlamentari Għall-Fondi Ewropej Dr Stefan Zrinzo Azzopardi waqt l-inawgurazzjoni tal-Kappella ta’ Sant’ Andrija fiż-Żurrieq.

Meta jiġu amministrati proġetti ffinanzjati minn fondi Ewropej, l-għan ewlieni huwa li naraw li dawn il-fondi qed jaslu direttament għand in-nies u qed ikunu ta’ benefiċċju għal kommunitajiet Maltin u Għawdxin.

Il-programm LEADER huwa programm li qed jgħin lill-komunitajiet billi jiżviluppaw u jimplimentaw pjan sabiex jaraw x’inhuma l-bżonnijiet taż-żoni lokali tagħhom. Dan il-programm, qed jiġi amministrat mill-fondazzjonijiet tal-GAL XLOKK, GAL MAJJISTRAL U GAL GOZO li jkopru bosta lokalijiet madwar Malta u Għawdex u għandu allokat għalih l-ammont totali ta’ €6,500,000 li l-parti l-kbira minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.

Il-programm LEADER amministrat mill-Fondazzjoni Gal Xlokk, li jkopri lokalitajiet li jinsabu fin-naħa t’isfel ta’ Malta, jagħti l-opportunitajiet lill-kunsilli lokali u diversi għaqdiet biex japplikaw għal finanzjament għall-proġetti ta’ preservazzjoni, u promozzjoni tal-kultura Maltija kif ukoll aktar investiment f’infrastruttura ħadra.

Fiż-Żurrieq saret l-inawgurazzjoni tax-xogħol kbir li sar fuq il-Kappella tas-seklu sbatax iddedikata lil Sant’Andrija. Grazzi għal dan il-proġett li huwa ffinanzjat b’fondi Ewropej, se nkunu qed inkomplu nieħdu ħsieb il-wirt storiku mod partikolari f’din il-lokalita taż-Żurrieq, kemm għaż-Żrieraq kif ukoll għal dawk it-turisti li jżuru din il-lokalita sabiħa. Huwa importanti li nkomplu nirrestawraw u nikkonservaw il-patrimonju kulturali li għandu pajjiżna sabiex b’hekk ikunu jistgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Dan il-proġett huwa wieħed mill-21 proġett ta’ restawr li qed isiru fin-nofsinhar ta’ Malta li jaqa taħt il-programm LEADER amministrat mill-Fondazzjoni GAL XLOKK.

Nistgħu naraw ukoll li hemm diversi għaqdiet volontarjati li qed jibbenefikaw minn fondi Ewropej mill-programm LEADER, fosthom is-Soċjeta Mużikali ta’ San Ġużepp f’Ħal-Kirkop. Dan il-każin huwa eżempju ċar ta’ kif se nsaħħu l-identità fil-lokalijiet tagħna, sabiex inkomplu nżidu l-valur lokali. Ix-xogħol li sar f’dan il-każin, sar bl-għan li jkun hemm ambjent aktar sigur u aktar attraenti għan-nies tal-lokal, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li kemm attivitajiet soċjali kif ukoll oħrajn kulturali jibqgħu jiġu sostnuti.

Il-lokalita taż-Żejtun qed tibbenefika minn proġett li qed isir mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun b’fondi Ewropej, għal Ġnien ta’ San Girgor li se jkun qed jirriġenera u jsebbaħ l-ambjent f’din il-lokalita. Bis-saħħa ta’ dawn il-fondi Ewropej se nkunu qed noffru lin-nies tal-madwar kwalità ta’ ħajja aħjar hekk kif se jgawdu minn aktar spazji miftuħa. Dan se jkun użat b’mod speċjali miż-żgħażagħ u tfal li jkunu fil-madwar, hekk kif il-ġnien jinsab fejn il-bandli, l-ground tal-football u ċ-ċentru għaż-żgħażagħ.

Proġetti bħal dawn li qed jiġu ffinanzjati b’fondi Ewropej qed iħallu impatt pożittiv fuq il-lokalijiet filwaqt li qed intejbu l-ħajja tan-nies.

L-inawgurazzjoni tat-tlestija tax-xogħlijiet fi Ġnien San Girgor.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com