Ftehim Bejn Il-Kunsill Malti Għall-Arti U L-Għaqda Każini Tal-Banda

 Ftehim Bejn Il-Kunsill Malti Għall-Arti U L-Għaqda Każini Tal-Banda

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera ppresieda l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Għaqda Każini tal-Banda. Dan il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni li diġà teżisti bejn iż-żewġ entitajiet. Il-ħidma mwettqa mill-Għaqda Każini tal-Banda tirrifletti l-impenn tal-Kunsill lejn il-ħarsien tal-kultura tradizzjonali u t-tisħiħ tal-kultura fil-forom u fil-fora differenti tagħha.

Il-Ministru Herrera tkellem kif “F’dan il-ftehim ikompli jibni fuq ir-relazzjoni eċċellenti li diġà teżisti mal-Għaqda Każini tal-Banda, relazzjoni li diġà wasslet għal investiment finanzjarju dirett ta’ madwar nofs miljun ewro mill-Kunsill Malti għall-Arti lil każini tal-banda madwar Malta u Għawdex. Apparti dan l-ammont, hemm ukoll kollaborazzjonijiet addizzjonali li żviluppaw matul is-snin bejn il-Kunsill u soċjetajiet speċifiċi jew is-sussidjarji tagħhom.”

Il-ftehim ġie ffirmat mill-President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall u l-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Dr Noel Camilleri.

Is-Sur Marshall sostna li, “F’dan il-mument kruċjali li matulu s-settur kreattiv u kulturali qed jerġa’ jiddefinixxi lilu nnifsu biex isir dejjem aktar reżiljenti u sostenibbli, dawn il-kollaborazzjonijiet huma ta’ benefiċċju kbir”. 

Dr Camilleri, f’isem l-Għaqda Każini tal-Banda, saħaq li “Dan il-qbil ikompli jagħti valur lix-xogħol imwettaq mill-każini tal-banda tagħna lejn id-demokratizzazzjoni tal-kultura. Aħna grati għall-estensjoni tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet u ninsabu ħerqana għal inizjattivi ġodda flimkien.”

Dan il-ftehim ser jgħin fit-tfassil ta’ skemi ta’ appoġġ eżistenti u inizjattivi ġodda għall-benefiċċju tal-każini tal-banda u tad-dilettanti madwar Malta u Għawdex.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com