“Fuq Talba Tas-Sorijiet Tal-Kunvent Saret Bankina Ġdida” – Is-Sindku Tal-Mellieħa
Is-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella elenka x-xogħol li qed isir fil-parti t’isfel ta’ Triq Ġorġ Borg Olivieri fejn spjega li tqiegħdu pajpijiet li jieħdu l-ilma tax-xita u li magħhom ser jitqabbdu oħrajn li jieħdu l-ilma tax-xita li jinżel kemm minn Triq il-Qalb Imqaddsa u minn Triq San Publiju.
Qal li ser jinbidel ukoll il-main tal-ilma tax-xorb, flimkien mas-service connections, liema proġett jinvolvi wkoll tqegħid ta’ cables għall-Enemalta u pajpijiet tad-drenaġġ.
Aċċenna għat-talba tas-Sorijiet tal-Kunvent infushom biex issir bankina ġdida quddiem iċ-Child Care Centre bil-għan li jingħata aċċess aktar faċli għall-istess binja.
Dario Vella spjega kif l-arranġamenti marbuta mat-traffiku u t-trasport pubbliku qed jiġu kordinati bejn Transport Malta, Infrastructure Malta, il-Kunsill Lokali, flimkien ma’ Malta Public Transport bil-ħsieb li x-xoghol jitlesta fl-iqsar żmien possibbli, għall-benefiċċju tar-residenti u l-komunità kummerċjali. Irringrazzja lill-pubbliku għall-koperazzjoni.