Għada Il-Pubbliku Huwa Mistieden Imur Id-Dar Ċentrali Biex Jirreġistra Fil-Kawża Tal-Kontijiet Tad-Dawl U L-Ilma
Nhar is-Sibt li ġej 29 ta’ Mejju, bejn id-disgħa ta’ filgħodu u n-nofs siegħa, il-Partit Nazzjonalista ser jilqa’ fid-Dar Ċentrali lil kull min hu interessat jirreġistra l-interess tiegħu fil-kawża tal-inġustizzja fil-mekkaniżmu ħażin li bihom qegħdin jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius u l-Kelliem għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus.
David Agius saħaq li l-Gvern f’dawn l-aħħar snin seraq €50 miljun minn fost il-poplu Malti u Għawdxi u għalhekk Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista jirrifondi l-miljuni ta’ ewro li l-poplu qed jinsteraq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-2013 ‘l hawn.
Min-naħa tieħu Ryan Callus qal li l-Partit Laburista fl-ebda mument ma ċaħad li dan is-serq mhux qed isir. U għalhekk l-anqas biss ikkommetta ruħu li jindirizza din l-anomalija aħseb u ara kemm jirritorna lura l-flus li nsterqu mill-familji Maltin. Gvern Laburista, li qabel l-elezzjoni wieghed tant bis-settur tal-energija, wara li gie elett għamel ħerba sħiħa minnu u lilek itik iċ-ċiċri u għalihom il-miljuni.
L-inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista ser issir nhar is-Sibt li ġej u għalhekk importanti li dawk li jattendu jridu jġibu magħhom il-karta tal-identitá u n-numru tal-kont tagħhom.