Għada Se Ssir Attività Onlajn Fejn It-Tfal Jitgħallmu Jagħmlu Tajra
Waqt l-attività ta’ għada (IS-SIBT) bejn l-10am u l-11am, it-tfal se jkollhom l-opportunità li jitgħallmu kif jagħmlu tajra Ċiniża speċjali permezz ta’ sessjoni onlajn, bħala parti mill-Malta Kite Festival ta’ din is-sena.
Guo Hong Li huwa espert fit-tajr u se jkun qed imexxi l-attività onlajn mill-istudjo tiegħu fil-belt Ċiniża ta’ Weifang, li hija magħrufa bħala l-Kapitali Tajra tad-Dinja.
Jeħtieġ li l-ġenituri jassistu lill-uliedhom waqt li jkunu qed jibnu t-tajra minħabba l-użu ta’ xi materjal li jaqta’.
Din l-attività hija organizzata mill-Malta Foundation for the Wellbeing of Society(MFWS), iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina u l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, u dan il-workshop dwar il-mod kif issir tajra qed jifforma parti mill-Valletta Green Festival.
Iċ-Chairperson tal-MFWS Marie Louise Coleiro Preca qalet: “Ix-xogħol tal-Fondazzjoni kompla matul il-perjodu tal-pandemija u aħna kuntenti li qed noffru lit-tfal din l-opportunità li jitgħallmu artiġjanat ġdid u fl-istess ħin jitgħallmu dwar il-kultura Ċiniża.”
Fi tmiem il-workshop, it-tfal u l-familji tagħhom huma mistiedna biex joħorġu jtajru t-tajra u jaqsmu r-ritratti fuq il-midja soċjali bl-użu tal-hashtag #KiteFestivalMalta2021.
Lista tal-materjali meħtieġa biex tinbena t-tajra hija disponibbli fuq il-paġna tal-avveniment ta’ Facebook tal-workshop, li se ssir għada bejn l-10 u l-11am.
Ir-reġistrazzjoni għall-avveniment hija disponibbli permezz tal-link li ġej: https://docs.google.com/forms/d/e/1FAIpQLScyvKLUuaHmgjediypz7ZdNVQfRGfJD77AtPWH4KrSDgWOLaQ/viewform?usp=pp_url