Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina Mixli B’Sewqan Perikoluż
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina tressaq il-Qorti mixli b’sewqan perikoluż u li daħal fi skorta tal-Pulizija f’każ li seħħ f’Ġunju ta’ sentejn ilu.
Fis-seduta ta’ dalgħodu xehed uffiċjal tal-Pulizija tat-traffiku il kien qed isuq mutur tal-pulizija li kien parti minn skorta ta’ delegazzjoni barranija. Qal li kienu qed isuqu fi Triq Diċembru Tlettax, direzzjoni lejn il-Belt meta vettura misjuqa minn Dr Aquilina daħlet fl-iskorta.
Xehed ukoll Charles Zammit, xufier ta’ waħda mill-karozzi u sid ta’ tliet karozzi fl-iskorta. Huwa xehed li meta kienu fl-iskorta ħarġet karozza f’nofshom. Qal li kien hu li xtara u installa id-dashcams fil-karozzi u li wara li waslu l-lukanda, wieħed mill-Pulizija talbu l-filmat biex jgħaddih lis-superjuri tiegħu. Zammit xehed li niżżel il-filmati u għaddiehom lil dan is-Surġent.
Fis-seduta ta’ dalgħodu kellu jixhed ukoll Surġent li kien fl-iskorta li minn naha tiegħu ressaq rikors biex ma jixhidx f’din il-kawża.
Il-kawża ġiet diferita ghall-15 ta’ Frar tas-sena d-dieħla, fid-9:30 ta’ filgħodu.