Id-Dwana Ta’ Malta Bi Sforzi Effettivi Mmirati Biex Jinkumbattu L-Ħasil Tal-Flus
Wara li d-Dwana ta’ Malta analizzat il-modi differenti wżati bil-ħsieb li jinkisru r-Regolamenti dwar il-Kontroll tal-Flus (L.S. 133.07) u r-riskji li dawn l-abbużi jġibu magħhom, din il-ġimgħa ingħata bidu għall-proċess biex ikompli jissaħħaħ l-Anti-Money Laundering Team b’żewġ ufficjali tad-Dwana oħra, jiġifieri, minn 9 għall 11-il ufficjal. Kif jitlesta l-proċess ta’ għażla, l-uffiċjali magħżula jgħaddu għal programm intensiv ta’ taħriġ.
Id-Dipartiment tad-Dwana introduċa din is-Sezzjoni fl-istruttura tiegħu f’Novembru tal-2018, b’tim ta’ erba’ uffiċjali. Fl-2019, id-Dipartiment saħħah is-Sezzjoni b’ħames uffiċjali oħra. Il-lum, l-AMLT qegħda topera mill-qrib mal-Customs Canine Unit, li m’ilhiex li twaqqfet, il-Customs Enforcement Unit u l-Customs Intelligence Unit. Minbarra minhekk, is-Sezzjoni ħadet ħsieb li jkollha relazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet ta’ infurzar oħra, bħal, per eżempju, l-Units tal-Pulizija kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar ta’ terroriżmu u anki l-FIAU.
Hawn, ta’ min isemmi l-impenn tad-Dwana biex taġġorna l-qafas leġislattiv biex ikun assigurat li d-Dipartiment ikollu poteri effikaċi affavur l-uffiċjali tiegħu. Fost dawn insibu:
Waqt investigazzjonijiet li jinvolvu kutrabandu, evażjoni ta’ taxxa, ħasil tal-flus, iffinanzjar ta’ terroriżmu, u oħrajn, id-Dwana, issa, għandha s-setgħa li titlob u tiġbor tagħrif mingħand kull entita’, kemm jekk pubblika kif ukoll hekk tkun privata, rigward tranżazzjonijiet li jkunu għaddew, anke dawk li jseħħu bejn partijiet terzi;
Permeżż ta’ liġislazzjoni oħra li inbidlet, operaturi ekonomiċi, kull meta jkunu mitluba, huma obligati jippermettu aċċess lill-uffiċjali tad-Dwana għas-sistemi elektroniċi u r-records tagħhom bil-għan li jsir verifikar, hekk magħruf, systems based. Fil-fatt, system-based audit ifisser proċedura ta’ verifikar, inkuż verifikar ta’ sistemi elektroniċi, u hi intenzjonata li twassal għal evidenza verifikata li, fiha nfisha, hi prova jekk kontrolli primarji humiex jaħdmu bla waqfien b’mod konsistenti u effettiv kif ippjanat oriġinarjament. B’hekk, ikunu evitati, magħrufa u kkoreġuti rendikonti ewlenin żbaljati jew okkażjonijiet skorretti matul il-perijodu li tkun qed issir il-verifika; u
Bidla oħra importanti fil-leġislazzjoni li tħaddem id-Dwana hi li, issa, kull ammont ta’ flus, kemm dak iddikjarat kif ukoll jekk mhux iddijarat, jista’ jinżamm fuq il-fruntiera, kemm il-darba jkun hemm suspett ta’ attivita’ kriminali.
Id-Dipartiment tad-Dwana hu wkoll mgħammar b’sistema fejn, permezz tagħha, it-tagħrif miġbur ikun mgħoddi fil-pront b’mod elektroniku lill-FIAU u lill-Pulizija biex dawn ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ċifri u tendenzi ta’ individwi, pajjiżi u ġurisdizzjonijiet oħra ta’ riskju notevoli li jkunu qed jiġu mgħassa.
F’dan il-kwadru, id-Dwana ta’ Malta ħadet ħsieb li tidħol f’patt ta’ ftehim separatament ma’ diversi aġenziji governattivi oħra, inklużi, il-Korp tal-Pulizija, l-FIAU, is-Servizzi ta’ Sigurta’ ta’ Malta, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Asset Recovery Bureau, il-Bord li jissorvelja s-sanzjonijiet, Il-Bank Ċentrali ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Kummerċ, Tranport Malta u l-Valletta Cruise Port.
Tajjeb li, hawn, jingħad li, fi spirtu ta’ ħidma konġunta kontinwament bejn l-aġenziji ta’ infurzar tal-liġi, it-Taqsima tal-Klieb, fi ħdan id-Dipartiment tad-Dwana, hekk kif inhi attrezzata biex tikxef flus moħbija, taqsam is-servizz tat-timijiet tagħha mal-Pulizija, per eżempju, meta jsir tiftix għal flus fi proprjeta’ privata u postijiet oħra fejn iikun hemm bżonn.
Fejn għandhom x’jaqsmu l-prattiċi ta’ ħasil ta’ flus, id-Dwana tikkonċentra l-iżjed fuq erba’ pilastri, jiġifieri, biex:
Tiġbor tagħrif u taghmel monitoraġġ u investigazzjonijiet dwar movimenti ta’ flus deħlin jew ħerġin minn Malta;
Tikxef kontravenzjonijiet marbuta ma’ kutrabandu u attivita’ oħra illegal relatata miegħu ;
Tinvestiga każijiet ta’ ħasil ta’ flus hekk magħrufa “trade-based”, bħal, per eżempju, tipi ta’ fatturi b’ammonti sproporzjonati; u
Tissorvelja u tinvestiga, flimkien mas-Sanctions Monitoring Board, każijiet konnessi ma’ negozju strateġiku u monitoraġġ ta’ sanzjonijiet.
Bejn l-2016 u l-2020, id-Dwana qabdet:
Qabdiet rekord ta’ tunnellati ta’ droga, b’valur fit-triq li jlaħħaq aktar minn €179 miljun;
Bi €2.4 miljun fi flus kontanti mhux iddikjarati;
Numru kbir ta’ dgħajjes u muturi tal-baħar maħsub li huma intenzjonati għall-ittraffikar tal-bnedmin;
176 miljun pillola ‘tramadol’, intenzjonati għal Jiħadisti u għall-użu f’żoni ta’ gwerra mill-milizji, b’valur ta’ aktar minn €1.2 biljun;
Aktar minn 900 dummy rifle, ukollkif ukoll maħsuba għat-taħriġ tal-milizji;
Kważi €1 biljun fi flus b’denominazzjoni ta’ Dinari Libjani;
Miljuni ta’ oġġetti kontrafatti, b’valur ta’ aktar minn €111-il miljun; u
Miljuni ta’ sigaretti tal-kuntrabandu, b’valur ta’ €43.5 miljun.