Iffirmat Ftehim Sabiex Rabat A. FC u Mtarfa FC Se Jkollhom il-Grounds Rispettivi Tagħhom

 Iffirmat Ftehim Sabiex Rabat A. FC u Mtarfa FC Se Jkollhom il-Grounds Rispettivi Tagħhom

Il-Ministri Ian Borg, Silvio Schembri, Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima żaru l-ground tal-futbol tar-Rabat fl-Imtarfa fejn ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu Rabat Ajax FC u Mtarfa FC se jkollhom il-grounds rispettivi tagħhom.

L-għan ta’ dan il-ftehim hu li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, jagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa fuq dawn il-faċilitajiet sportivi, li jinkludu ground tal-futbol, ground ieħor ta’ 5-a-side u trakka li tintuża għal bosta sports differenti.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Permezz ta’ dan il-ftehim se nkomplu nirrikonoxxu l-importanza tal-isport u tal-attività fiżika u għalhekk il-benefiċċju li joħroġ mill-iżvilupp ta’ faċilitajiet sportivi bħal dawn li se jkunu qed joffru ambjent bl-aqwa sigurtà u kwalità possibbli.”

Il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri qal li bħala Ministru responsabbli mill-Awtorità tal-Artijiet, ta direzzjoni lill-Kap Eżekuttiv is-Sur Robert Vella u skattaw id-diskussjonijiet sabiex dan il-proġett issa jgħaddi għal fażi tat-twettiq tiegħu. Żied jgħid li se jassigura li fuq livell amministrattiv se jara li l-klabbs tal-futbol tar-Rabat u Imtarfa ma jbatux minn iżjed telfien ta’ żmien u b’hekk naslu biex fiż-żmien li ġej naraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dan il-proġett bħala wieħed li jibni fuq is-sisien sodi li l-Gvern qed jinvesti fihom fl-Isports hekk kif fil-jiem li ġejjin il-Gvern Malti se jvara proġett ieħor ta’ miljuni ta’ ewro biex jara li l-infrastruttura fil-futbol tkompli tiġi msaħħa.

Spjegat li fid-dawl ta’ investiment maġġuri fl-Imtarfa u sakemm ikun qed jitlesta dan il-ground ġdid, il-Ministeru għall-Inklużjoni se jara li l-gruppi kollha fi ħdan Mtarfa FC ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bit-taħriġ tagħhhom f’postijiet alternattivi,  bi spiża ta’ €70,000 fis-sena li se tkun koperta kollha mill-Ministeru.

Il-Ministru Farrugia Portelli fissret kif studji differenti juri li l-isports hu parti integrali mill-kwalità tal-ħajja b’bosta riċerki jikkonfermaw li l-isports hu l-fattur ewlieni li jżomm dak il-bilanċ fis-saħħa fiżika u dik mentali. Dan hu proġett li se jkun wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ dan il-Ministeru fejn irridu naraw li kull individwu, kull familja tinvesti biżżejjed mill-ħin tagħha għall-wellbeing.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega kif permezz ta’ dan it-trasferiment Mtarfa FC se jkollhom dar denja fejn jistgħu jħarrġu lill-atleti tagħhom. Hu kompla jgħid li l-impenn tal-gvern hu li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu. Huwa stqarr li dan il-gvern irid irawwem u jsaħħaħ il-kultura sportiva sa mill-etajiet bikrin.

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal, “L-infrastruttura sportiva fil-pajjiż hija essenzjali mhux biss biex l-atleti ikomplu jitħarrġu u jippratikaw f’faċilitajiet li huma tal-aqwa livell iżda wkoll li l-amministrazzjoni tkun tista’ torganizza fil-livell tal komunità bosta attivitajiet li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà tagħna. Għaldaqstant l-MFA tkompli tkun impenjata sabiex tara li l-membri tagħha kollha ikollhom faċilitajiet adekwati biex jilqgħu l-eluf ta’ tfal li jattendu f’postijiet nodfa, sani u li joffru tant gwadan għal benessere ta’ dawn l-atleti”.

 

Ritratt: DOI / Omar Camilleri

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com