Il-Bajja Tal-Għadira Se Tara Proġett Sħiħ Ta’ Riġenerazzjoni

 Il-Bajja Tal-Għadira Se Tara Proġett Sħiħ Ta’ Riġenerazzjoni

B’ investiment  ta’ €2 miljun, illum tħabbar proġett ta’ riġenerazzjoni tal-bajja tal-Għadira. fejn se jkun imsebbaħ il-promenade tal-Bajja tal-Għadira u se tinħoloq rotta pedonali ta’ 1.2 kilometri tul il-bajja.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg tenna li, wara għexieren ta’ snin ta’ negliġenza, din il-bajja li hi mfittxija minn bosta nies u turisti fix-xhur tas-sajf, se tkun irriġenerata u msebbħa.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka li wara snin ta’ nuqqas ta’ investiment, il-gvern se jkun qiegħed jinvesti €2 miljun bil-għan li ż-żona tal-Għadira tkun waħda aċċessibbli u attiva kemm għas-sajf u anke matul is-sena kollha.

“Konna drajna li l-infrastruttura turistika tkun marbuta biss ma’ restawr ta’ bankijiet jew railings. Illum qegħdin nibdlu din il-mentalità, u minn manutenzjoni qegħdin immorru għal  riġenerazzjoni,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Ix-xogħlijiet ewlenin fil-proġett se jinvolvu rikostruzzjoni tar-rotot pedonali eżistenti tal-promenade, sistema ta’ puġġaman ġdid b’sistema ta’ dawl inkorporat, formazzjoni ta’ katusi taħt l-art għal servizzi ġodda, rilokazzjoni ta’ pajsaġġ eżistenti u tħawwil ta’ siġar addizzjonali.

Mistennija ssir distinzjoni bejn aċċess pedonali u tal-vetturi bl-użu ta’ elementi ta’ pavimentar differenti u se jkun hemm introduzzjoni ta’ aċċessorji tat-triq ġdida. Il-proġett mistenni jkun mgħammar b’taraġ u rampi għal aktar aċċessibbiltà li jwasslu għall-bajja, sistema ta’ CCTV cameras, sistema ta’ Wi-Fi b’xejn, faċilitajiet sanitarji ġodda u disinn mill-ġdid tal-faċilitajiet tal-bus stop u l-qsim għal persuni bil-mixi.

Il-proġett se jinkludi l-introduzzjoni ta’ funtani tax-xorb u faċilitajiet għall-ħasil tas-saqajn, introduzzjoni ta’ bollards ġodda, introduzzjoni ta’ sinjali ġodda ta’ informazzjoni, introduzzjoni ta’ installazzjonijiet tal-arti minn artisti lokali u titjib tar-roundabout u tat-traffiku eżistenti.

Ritratti: DOI, MTIP, MTCP

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com