“Il-Mira Ta’ Dan Il-Gvern Tibqa’ Li Ħadd Ma Jaqa’ Lura” – Il-PM
“L-isfidi tal-aħħar ħmistax-il xahar bl-ebda mod ma telfu mir-rieda tagħna li f’dan il-pajjiż inkomplu niksbu l-ġustizzja soċjali. L-appell tiegħi lilkom Ministri u Segretarji Parlamentari, kif ukoll lil kull min għandu xi sehem fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż, hu li fl-irkupru ekonomiku li se jkollna u li qed naħdmu għalih, iż-żgħir, il-pensjonant, u l-persuni b’diżabbiltà għandhom irwol importanti x’jilgħabu.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta fetaħ laqgħa tal-Kabinett b’enfasi fuq il-qasam soċjali li saret fil-bini tal-Fondazzjoni Inspire.
Il-Prim Ministru spjega kif fis-sena tal-pandemija rnexxielna nżommu taħt kontroll il-faqar, fejn saħansitra naqsu dawk f’ċaħda materjali severa u kif il-mira għaż-żmien li ġej trid tkun li nkomplu nnaqsuh.
“Iżda, innaqsuh ukoll billi nifhmu r-realtajiet partikolari ta’ persuni jew gruppi fis-soċjetà. Hemm inkunu qed nagħmlu l-politika b’qalbna daqskemm b’moħħna,” qal il-Prim Ministru li ta eżempju kif dan qed isir f’diversi oqsma fosthom is-settur tal-housing fejn daqskemm qed isiru proġetti kbar qed isiru proġetti ffokati inkluż bi sħubija ma’ NGOs.
Il-Prim Ministru tkellem dwar is-settur tad-diżabbiltà u qal li filwaqt li sar ħafna fl-aħħar snin, issa rridu nħarsu lejn l-għaxar snin li ġejjin. “Għalhekk inħares ’il quddiem għad-diskussjoni dwar l-istrateġija nazzjonali fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà. Din l-istrateġija hi s-sisien li bihom Malta se tkun qed tiġi konformi mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li pajjiżna hu firmatarju tagħha,” sostna l-Prim Ministru.
Fisser kif din l-istrateġija li se tinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika fiha 13-il oġġettiv u 62 azzjoni. “Din l-istrateġija se ssaħħaħ skemi relatati mal-awtonomija u l-assistenza personali għall-persuni b’diżabbiltà u dan fl-oqsma diversi, mill-edukazzjoni sal-familja,” tenna l-Prim Ministru.
Meta tkellem dwar il-qasam tal-anzjani, il-Prim Ministru fakkar li dawn jagħmlu l-parti l-kbira minn dak li ninvestu u naħdmu għalih fil-qasam soċjali u ddikjara li l-mira għandha tkun li kemm jista’ jkun anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità. Hawn elenka numru ta’ inizjattivi li ttieħdu biex ikunu ta’ sostenn u appoġġ għall-anzjani.
Fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-binjiet il-ġodda f’San Vincenz De Paul, il-Prim Ministru qal li filwaqt li rridu nibnu fuq it-tajjeb, ma nirrepetux żbalji li setgħu saru qabel. Spjega kif dawn huma binjiet li jagħtu servizz partikolari li ma jistax jitqabbel ma’ tad-djar tal-anzjani oħra, għax huma eqreb għal dak ta’ sptar. Spjega kemm kienu kruċjali dawn il-504 sodod ġodda, minħabba l-waiting lists u anke f’pandemija. Minkejja dan żied li dan ma jneħħi xejn mill-fatt li dak ir-rapport tal-Awditur irid ikun analizzat b’reqqa u jittieħdu t-tagħlimiet minnu.
Finalment, il-Prim Ministru esprima l-fiduċja u l-ottimiżmu li fil-qasam soċjali se nibqgħu mexjin ’il quddiem. “Dik hi l-mira għaż-żmien li ġej. Fejn filwaqt li naqbdu r-ritmu u nkomplu mexjin b’saħħitna ’l quddiem, naraw li mat-triq ħadd ma jaqa’ lura. U min ikun se jaqa’ lura jrid ikollna sistema li toħroġlu idejha u tiġbdu ’l quddiem. Għax dan pajjiż li fih kulħadd irid ikollu livell ta’ għajxien diċenti u li fih kulħadd għandu jaspira li jilħaq iktar u jwettaq iktar,” temm il-Prim Ministru.
Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli.