Il-Pożittivi – Dramm Ġdid Malti Li Jindirizza L-HIV Bla Tlaqliq

 Il-Pożittivi – Dramm Ġdid Malti Li Jindirizza L-HIV Bla Tlaqliq

Anki jekk it-teatri mistennija jerġgħu jiftħu dalwaqt, dan id-dramm ġdid bil-Malti ma setax jiġi pospost aktar u l-kast u l-kru huma pożittivament determinati li jippreżentaw l-ispettaklu esklussivament online.

Il-Pożittivi, dramm ġdid ta’ Simon Bartolo b’direzzjoni ta’ Toni Attard, huwa l-ewwel dramm kontemporanju Malti li jittratta l-istigma soċjali li hemm fuq il-persuni li jgħixu bl-HIV f’Malta.

Huwa msejjes fuq stejjer veri li qasmu magħna l-parteċipanti waqt intervisti anonimi li saru bħala parti mir-riċerka għal dan il-proġett. Id-dramm jiffoka fuq sitt karattri li ħajjithom kollha ġiet b’xi mod affettwata mill-HIV. Bl-istil tipiku ta’ Bartolo, id-dramm iħallat sitwazzjonijiet tal-ħajja reali ma’ storja fittizja li żżewwaq il-kummiedja u d-drama serja.

“Ftit li xejn kienu n-nies li jgħixu bl-HIV f’Malta li jagħżlu li jiżvelaw pubblikament l-istatus tagħhom jew jitkellmu dwar is-suġġett. Dan jenfasizza l-biża’ tagħhom li jiġu aljenati jew diskriminati minħabba li għandhom din il-kundizzjoni. Il-proġett teatrali inkluda l-parteċipazzjoni ta’ nies li jgħixu bl-HIV f’Malta u qed jaġixxi bħala pjattaforma artistika biex jitneħħa l-għaġeb żejjed li jeżisti dwar l-HIV u l-istigmatizzazzjoni li taffettwa l-ħajja ta’ dawn in-nies,” qal id-direttur u produttur tal-proġett Toni Attard.

Żjara fl-isptar isservi tal-ewwel pass għall-karattri biex ifettqu s-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom. Bejn il-chemsex party fil-bidu tad-dramm u l-birthday party li naraw fl-aħħar, din il-kummiedja trikkibna fuq dawra emozzjonali qawwija kkaratterizzata minn relazzjonijiet, imħabba, ħbiberija, rabja, ferħ, tradiment, u fuq kollox, tama.

Bil-parteċipazzjoni eċċezzjonali tal-atturi maħbuba Maltin Josette Ciappara, Ray Calleja, Clare Agius, Stephen Mintoff, u Benjamin Abela, kif ukoll l-attur Daniż li huwa wkoll attivista u kelliem dwar l-HIV Chris Vincent, din il-produzzjoni ilha tiġi żviluppata sentejn sħaħ.

Minħabba restrizzjonijiet tal-COVID-19 li ma ppermettewx li l-ispettaklu jittella’ f’Mejju kif kien ippjanat, il-pubbliku issa se jkun jista’ jgawdi Il-Pożittivi, permezz ta’ esperjenza online esklussivament on-demand. L-ispettaklu jibda fit-8 ta’ filgħaxija nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju u se jkun disponibbli sat-30 ta’ Ġunju 2021. Wara xhur ta’ provi online u fl-istudio, l-atturi se jkunu qed jirrekordjaw l-ispettaklu, daqslikieku live, mit-Teatru tal-Kampus tal-Belt Valletta waqt li bħalissa jinsab magħluq għall-pubbliku. B’vidjografija ta’ Kevin Kiomall, il-produzzjoni għandha sett oriġinali ta’ Romualdo Moretti, disinn tad-dawl ta’ Chris Gatt u disinn tal-ħoss ta’ Michael Quinton.

Il-Pożittivi huwa adattat għal udjenzi ta’ 15-il sena jew aktar u se jkun disponibbli on demand fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata, għal 48 siegħa sħaħ. L-ispettaklu huwa bil-Malti u sottotitli bl-Ingliż. Biljetti Eur 10 jistgħu jinxtraw minn hawn.

Il-Pożittivi għandu produzzjoni ta’ Culture Venture fi ħdan il-proġett Acting on the Margins: Art as Social Sculpture, imsieħeb f’Malta mid-Dipartiment tal-Arti, il-Komunitajiet Miftuħa u l-Edukazzjoni tal-Adulti fi ħdan l-Università ta’ Malta. AMASS irċieva finanzjament mill-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Horizon 2020 tal-Unjoni Ewropea taħt il-ftehim ta’ għotja nru 870621 u huwa appoġġjat mill-MGRM, Arts Council Malta, Brown’s Pharmacy, Pleasure Malta u Sex Clinic by Willigness.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com