Il-President Jaħtar Erba’ Maġistrati Ġodda Wara Sejħa Pubblika
Il-President ta’ Malta ħatar l-ewwel erba’ maġistrati wara espressjoni ta’ interess li ħarġet f’April li għadda biex jinħatru erba’ maġistrati fil-Qrati Inferjuri ta’ Malta. Il-maġistrati l-ġodda huma l-Avukati Noel Bartolo, Leonard Caruana, Lara Lanfranco u Elaine Mercieca.
Stqarrija tal-Uffiċċju tal-President qalet li l-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura rċieva u għarbel b’kollox 28 persuna li esprimew interess għall-kariga ta’ maġistrat.
Il-kandidati ġew mgħarbla mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikanti li fis-26 ta’ Mejju li għadda ppreżenta r-rapport dettaljat tiegħu bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President.
L-Uffiċċju tal-President qal li kif tgħid il-Kostituzzjoni, fil-ħatra tal-maġistrati l-ġodda, il-President mexa ma’ min fil-fehma tal-kumitat huma l-aktar kandidati li għandhom mertu u li hu ma l-aktar idoneji għall-kariga.
L-uffiċċju tal-President ippubblika wkoll l-ismijiet tal-Kandidati kollha mgħoddija mill-Kumitat lill-President li fl-opinjoni tal-Kumitat ġew ikkunsidrati li kienu wkoll idoneji u meritevoli għall-ħatra ta’ maġistrat.
Dawn il-persuni huma l-Avukati Abigail Critien, Iiona Debono, Joseph Gatt, Jean Paul Grech, Maria Karlsson, Elizabeth Quintano, Nadia Helena Vella u Claudio Zammit.
F’nofs April li għadda, il-President ta’ Malta ħatar ukoll l-ewwel erba’ mħallfin wara espressjoni ta’ interess biex iservu fil-Qrati Superjuri ta’ Malta.
L-Imħallfin il-ġodda kienu Neville Camilleri, Audrey Demicoli, Christian Falzon Scerri u Ian Spiteri Bailey.