Il-Prim Ministru F’Laqgħa Speċjali Tal-Kunsill Ewropew

 Il-Prim Ministru F’Laqgħa Speċjali Tal-Kunsill Ewropew

Il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa fil-Laqgħa Speċjali tal-Kunsill Ewropew li saret ilbieraħ u llum fi Brussell. 

Din il-laqgħa kellha fuq l-aġenda l-COVID-19, it-tibdil fil-klima, kif ukoll ir-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit u r-Russja. Il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-Belarus, partikolarment il-kwistjoni dwar l-ajruplan tal-linja tal-ajru Ryanair li ġie mġiegħel jinżel f’Minsk mill-awtoritajiet biex ġie arrestat il-ġurnalist u attivist Roman Protasevich u s-sieħba tiegħu.

Il-Prim Ministru spjega kif Malta hija l-ewwel stat membru li waslet għal herd immunity, fejn 70% tal-adulti Għawdxin u Maltin ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin. Il-Prim Ministru faħħar l-istrateġija ta’ tilqim tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, il-Prim Ministru rrimarka li minkejja r-riżultati pożittivi, il-pandemija għadha magħna. Għalhekk il-Gvern ta’ Malta jilqa’ l-kuntratt il-ġdid mal-Biontech Pfizer filwaqt li saħaq dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea jkollha portafoll diversifikat ta’ fornituri tal-vaċċin.

Il-Gvern jifhem ukoll ir-responsabbiltà li l-Unjoni Ewropea għandha fuq livell globali u li tgħin pajjiżi fil-bżonn li m’għandhomx aċċess għat-tilqim.

Dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-ftehim li ntlaħaq fi żmien rekord dwar dan iċ-ċertifikat. Il-Prim Ministru qal li Malta sa mill-bidu nett appoġġjat dan iċ-ċertifikat u huwa għodda utli għaċ-ċittadini.

Il-Kunsill Ewropew tkellem ukoll dwar it-tibdil klima. Il-Prim Ministru għal darb’oħra tenna li l-Gvern ta’ Malta jaqbel mal-mira ta’ tnaqqis b’55% tal-emissjonijiet meta mqabbel mal-1990 sal-2030 u li tintlaħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050. Madanakollu, il-Prim Ministru spjega li teżisti l-ħtieġa li ssir analiżi fuq livell nazzjonali ta’ impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta’ miżuri proposti f’kull settur. Dan anke peress li Stati Membri gżejjer bħal Malta għandhom ċirkostanzi speċifiċi ħafna, kif anke kien maqbul fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru li għadda.

Dwar ir-relazzjonijiet mar-Russja, il-Prim Ministru enfasizza l-importanza li l-Unjoni Ewropea taħdem biex jitkompla d-djalogu u li tiġi evitata sitwazzjoni fejn ikun hemm eskalazzjoni tat-tensjoni. Fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani l-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern jilqa’ l-ftehim tal-waqfien mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-Hamas. Il-Prim Ministru esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi.

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qablu dwar aktar sanzjonijiet fuq il-Belarus, fosthom li l-linji tal-ajru Ewropej m’għandhomx joperaw lejn il-Belarus. Il-Kunsill talab ukoll għall-ħelsien immedjat tal-ġurnalist u s-sieħba tal-ivvjaġġar tiegħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com