Il-Pulizija B’Investigazzjoni Ġdida Fuq L-Involviment Ta’ Abela Fis-Serqa Mill-HSBC

 Il-Pulizija B’Investigazzjoni Ġdida Fuq L-Involviment Ta’ Abela Fis-Serqa Mill-HSBC

Il-Pulizija qiegħda tinvestiga mill-ġdid l-involviment tal-Ministru Carmelo Abela fis-serqa mill-kwartieri tal-HSBC f’Ħal Qormi f’Ġunju tal-2010.

Dan ġie rrappurtat mit-Times of Malta dalgħodu, wara li fl-aħħar xhur Abela ffaċċja diversi mistoqsijiet mingħand il-ġurnalisti fuq is-suġġett, peress li Vince Muscat il-Koħħu, li kien involut fis-serqa, qal li hemm Ministru preżenti fil-Kabinett li kien involut f’din is-serqa, li l-Koħħu kien parti minnha. Is-serqa ma kinitx irnexxiet.

Il-Koħħu ngħata maħfra presidenzjali biex jagħti informazzjoni lill-Pulizija fuq każijiet ta’ serq u qtil. Huwa semma Ministru fil-Kabinett kurrenti li kien involut f’dan ir-reat, u l-attenzjoni daret għal fuq Abela, billi dan kien imlaħħaq fl-HSBC dak iż-żmien. Minkejja li l-Koħħu ma qalx min hu l-Ministru li qed jirreferi għalih, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi allega li Abela kien imwiegħed €300,000 għas-sehem tiegħu fis-serqa. Abela ċaħad fuq li ċaħad dak allegat dwaru u saħansitra fetaħ libell kontra Azzopardi għax qal li dan qed jigdeb dwaru.

It-Times irrappurtat li l-ġimgħa li għaddiet Abela ġie mgħarraf mill-Imħallef Giovanni Grixti bit-talba tal-Pulizija biex jiksbu aċċess għax-xhieda li ta l-Ministru fil-magħluq waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra ż-żewġ irġiel akkużati li wettqu l-attentat ta’ serqa.

Skont il-ġurnal, il-pulizija għamluha ċara fir-rikors tagħhom fil-5 ta’ Mejju li bdew investigazzjoni ġdida minħabba dawn l-allegazzjonijiet dwar il-Ministru. Qed jiġi allegat li l-Ministru kien wieħed mill-ftit nies li kellu aċċess għal apparat tas-sigurtà li joħloq il-key cards, suspettati li ntużaw mill-ħallelin biex jidħlu fejn riedu fil-bank.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com