Imħawla 150 Siġra U Arbuxell Indiġeni Fil-Jum Dinji Għall-Bijodiversità
Fil-Jum Dinji għall-Bijodiversità, ġew imħawla 150 siġra u arbuxell indiġeni fl-inħawi tal-Grawnd Nazzjonali ta’ Malta, f’Ta’ Qali. Din l-inizjattiva hija ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent flimkien ma’ Ambjent Malta, bil-kollaborazzjoni tal-Malta Football Association u tifforma parti mill-kampanja #ClimateOn.
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia spjega kif l-islogan ta’ din il-kampanja: ‘Turn on the Power for Change’, hija sejħa biex kull ċittadin u negozju lokali jieħu l-azzjoni neċessarja fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u jiġi salvagwardjat l-ambjent.
Il-Ministru Farrugia tkellem kif “Bl-istess mod, il-gvern irid ikun ta’ eżempju f’din it-tranżizzjoni ekoloġika, u dan qed nagħmluh billi ninvestu fl-infrastruttura ħadra, diversi proġetti, u inizjattivi ta’ tħawwil ta’ siġar bħalma hi din il-kollaborazzjoni tal-lum.”
Il-Ministru spjega kif l-għan wara dawn it-tip ta’ kollaborazzjonijiet huwa li jiġu mħajra membri tas-soċjetà u gruppi oħra sabiex jieħdu passi ambjentali simili. Il-Ministru tkellem kif fl-isfond tal-Jum Dinji tal-Bijodiversità, huwa tajjeb li tissaħħaħ il-kuxjenza f’dan il-qasam u jsiru iktar inizzjattivi ambjentali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima faħħar din l-inizjattiva, fejn l-isport qed jingħaqad mal-ambjent sabiex jinkiseb riżultat ukoll fl-aspett soċjali; “Illum rajna kif għandek numru ta’ assoċjazzjonijiet sportivi li ngħaqdu flimkien sabiex iħawlu numru ta’ siġar li jagħmlu differenza kemm fil-klima ta’ pajjiżna, kif ukoll jagħtu ambjent u futur aħjar għat-tfal tagħna.”