Inawgurata Dar l-Annunzjata F’Ħal Tarxien – Investiment Ta’ 13-Il Miljun
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia inawgura Dar l-Annunzjata, dar residenzjali għall-kura fit-tul f’Ħal Tarxien, li se takkomoda b’kollox 230 sodda mifruxin fuq seba’ sulari, liema investiment huwa ta’ €13-il miljun.
B’kollox fiha 45 impjegat li mistennija jitilgħu għal 100 fejn il-Gvern qed ukoll jixtri numru ta’ sodod f’din id-dar.
“Minkejja s-sitwazzjoni bla preċedent li ġiet fuq id-dinja kollha minħabba l-pandemija, illum qed naraw eżempju ta’ kemm l-investitur ma qatax qalbu iżda kompla juri fiduċja fil-futur ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Michael Farrugia.
Tenna li l-Gvern qed jara li jkun hemm tabib responsabbli mir-residenti f’dik id-dar, liema kundizzjoni mistennija li tiddaħħal fil-konsultazzjoni pubblika dwar standards fid-djar tal-anzjani li mistennija toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.
Id-dar fiha wkoll ‘roof garden’ kif ukoll erba’ sulari ta’ parkeġġ għall-istaff u l-viżitaturi. Hemm ukoll livell mgħammar b’faċilità ta’ kura terapewtika. Il-binja u l-faċilitajiet huma dementia-friendly.
“L-intenzjoni tal-gvern hi li nkomplu nassiguraw li d-djar tal-anzjani jipprovdu faċilitajiet tal-ogħla kwalità, bil-faċilitajiet u bil-kura kollha neċessarji. Naħdmu flimkien għal għan wieħed, biex ikollna livell ta’ eċċellenza fil-kwalità ta’ ħajja tal-anzjani tagħna,” temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.